Lokali
L-MFSA b’mandat biex is-sena li ġejja ttejjeb is-superviżjoni u ssaħħaħ l-infurzar

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-fatt li Malta tinsab fuq il-lista l-griża tal-FATF hi opportunità biex jitwaqqfu prattiċi li l-pajjiż ilu mdorri bihom u minflok jintlaħqu standards għolja bħal ta’ pajjiżi oħra tal-Punent.

Fi żjara fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, il-Ministru Caruana introduċa lill-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità l-Irlandiż Joseph M Gavin, li min-naħa tiegħu qal li l-mandat tal-MFSA għas-sena li ġejja hu li ttejjeb is-superviżjoni u ssaħħaħ l-infurzar.

Waqt żjara fl-uffiċini tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern irid li s-settur finanzjarju jkun ta’ suċċess u li dan il-qasam ikompli jikber kemm mil-lat ta’ impjiegi u anki mil-lat ta’ valur miżjud.

Spjega li l-viżjoni tal-Gvern hi li joħloq il-ġid billi persuna mhux biss tmur għax-xogħol biex taqla’ l-għixien tagħha imma wkoll li dak ix-xogħol ikun taha sodisfazzjon għal dik il-persuna.

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, wera l-fehma li l-fatt li Malta tinsab fuq il-lista l-griża tal-Finacial Action Task Force, l-FATF, hi opportunità biex jintlaħqu standards għolja f’dan is-settur.

“Il-kwistjoni tal-greylisting hija wkoll opportunità biex dan il-pajjiż ineħħi ċertu prattiċi li kien imdorri bihom matul iż-żmien. Wasal iż-żmien li bħala pajjiż nikbru, niżviluppaw u nilħqu l-istandards li ċertu pajjiżi oħra tal-Punent għandhom. Naħseb dan il-pajjiż bil-mod il-mod irid jimxi f’dik id-direzzjoni.”

Fuq l-istess nota tkellem il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-MFSA, Joseph M Gavin li qal li l-ewwelnett, l-awtorità għandha l-irwol li tkun regolatur effettiv tas-settur finanzjarju.

“But secondly I think we need to work in close collaboration with each of the FIAU, the Commission for Police and the National Coordination Comittee, to assist to move beyond this phase.”

Żied li l-mandat tal-Awtorità għas-sena li ġejja hu li ttejjeb is-superviżjoni u ssaħħaħ l-infurzar. Stqar li l-industrija trid tirrealizza li l-infurzar għandu s-snien.

Joseph M Gavin, intgħażel bħala Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, wara li l-Bord tal-MFSA kien ħareġ sejħa internazzjonali li għaliha setgħu japplikaw Maltin u barranin. L-għażla saret minn fost sittin applikant wara skrutinju li dam għaddej mill-inqas xahrejn. Il-Ministru Caruana qal li b’esperjenza fil-Bank Ċentrali u fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fl-Irlanda, ġie deċiż li Joseph M Gavin hu l-aħjar kandidat li jista’ jimla din il-pożizzjoni għat-tliet snin li ġejjin.

Iċ-Chairman tal-MFSA, John Mamo, esprima t-tama wkoll li l-pajjiż jirritorna mill-aktar fis għall-istatus ta’ ġurisdizzjoni ta’ eċċellenza.