Turiżmu
L-MHRA tappella lill-Gvern biex jiffoka fuq in-numru ta’ pazjenti l-isptar bil-COVID u mhux fuq dawk infettati

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Restoranti (MHRA) appellat lill-Gvern biex jibda jiffoka l-politika tiegħu dwar il-COVID-19 fuq in-numru ta’ pazjenti rikoverati l-isptar u mhux fuq dawk li qed jirriżultaw pożittivi u mhux ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.

Fil-preżent, l-għadd ta’ pazjenti li qed jingħataw kura l-isptar għall-COVID-19 huma 18-il ruħ waqt li l-każijiet attivi huma ta’ 1,963.

L-MHRA qalet dan b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ECDC li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-ħamra tal-ivvjaġġar wara żieda ta’ każijiet pożittivi tal-coronavirus.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal l-mira ta’ Malta għandha tkun li ttemm il-programm ta’ vaċċinazzjoni fejn kull resident f’Malta jkun protett.

L-MHRA appellat lill-Gvern biex jaħdem mill-qrib ma’ dawk kollha involuti fl-industrija tat-turiżmu biex flimkien jiffaċċjaw sfida li qed tikkaġuna ħsara lill-ekonomija u s-saħħa tan-nies.

Kien f’dan il-kuntest li l-assoċjazzjoni ħeġġet lill-Gvern biex jiffoka l-politika tiegħu fuq dawk li qed jispiċċaw l-isptar bil-Covid, milli dawk li jieħdu l-virus. Fl-istess waqt saħqet li l-Gvern irid jara li jonqos in-numru ta’ dawk infettati biex nerġgħu nkunu fuq il-lista l-ħadra.

Dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur turistiku, l-MHRA appellat lill-Gvern biex jeżenta t-taxxa fuq is-sahra u fuq xogħol partajm fl-industrija biex aktar ħaddiema jitħajru jibdew jaħdmu f’din l-industrija u dawk fis-settur ma jmorrux f’oqsma ekonomiċi oħrajn.

L-MHRA temmet tgħid li l-pajjiż jeħtieġ protokolli ċari li jħarsu s-saħħa pubbliku iżda wkoll il-bżonnijiet tal-ekonomija.

“Huwa importanti li niftakru li l-ekonomija hija kollha kemm aħna u li t-turiżmu huwa l-qalb tal-ekonomija tagħna”, temmet tgħid l-MHRA.