COVID-19
L-MHRA tgħid li jeħtieġ infurzar biex it-tbatija tar-restorantiera ma tkunx għalxejn

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) qalet li fil-ġimgħat li ġejjin ir-restorantiera se jgħaddu minn tbatija, hekk kif il-miżuri mħabbra lbieraħ se jolqtu l-iktar lilhom.

Fi stqarrija l-MHRA qalet li biex dan is-sagrifiċċju ma jkunx sar għalxejn, hemm bżonn ta’ iktar infurzar, bir-responsabbiltajiet tar-regolatur tat-turiżmu jinqasmu ugwalment mal-Pulizija u l-awtoritajiet tas-saħħa.

Qalet li jekk il-kundizzjonijiet ikunu abbużati minn operaturi jew individwi irresponsabbli, is-sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin se tkun fatali għall-operaturi u l-impjegati bieżla u onesti fis-settur turistiku.

L-MHRA qalet li minbarra fl-infurzar, il-Gvern irid jikkonċentra l-isforzi tiegħu biex iwieżen lill-operaturi turistiċi, u biex jitħaffef l-għoti tal-vaċċin.