Turiżmu
L-MHRA tilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Ġermanja dwar Malta, sorpriża bid-deċiżjoni tar-Renju Unit

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet id-dikjarazzjoni tal-Ġermanja li Malta m’għadhiex żona ta’ riskju għall-Covid-19, filwaqt li esprimiet ruħha sorpriża għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jinkludix lil Malta mal-lista l-ħadra.

Ilbieraħ ir-Renju Unit ippubblika il-lista l-ħadra ta’ 12-il pajjiż meqjusa bħala l-iktar siguri biex turisti Ingliżi jivvjaġġaw lejhom, iżda Malta ma ġietx inkluża, u minflok kienet inkluża fil-lista oranġjo ta’ pajjiżi b’riskju medju.

L-MHRA qalet li oġġettivament Malta hija konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Covid-19, u qablet mal-opinjoni ġenerali tas-settur tal-ivjaġġar fir-Renju Unit, li d-deċiżjoni li jkunu inklużi daqstant ftit pajjiżi Ewropej fil-lista l-ħadra mhix ġustifikata bl-istatistika jew ix-xjenza.

L-assoċjazzjoni saħqet li dan se jkollu impatt negattiv fuq is-settur turistiku f’Malta, u appellat għal ħidma mill-Gvern u l-korp diplomatiku biex Malta tkun inkluża mal-lista l-ħadra meta din terġa’ tiġi riveduta tliet ġimgħat oħra.