Lokali
L-MHRA tilqa’ l-aħbar tal-ftuħ tar-restoranti u tappella biex jitħallew iservu l-ikel filgħaxijiet

L-MHRA laqgħet l-aħbar li se jerġgħu jiftħu bil-mod ir-restoranti. Fi stqarrija, l-MHRA qalet li din l-aħbar ittemm diversi spekulazzjonijiet li kulma jagħmlu hu li joħolqu inċertezzi.

Fi stqarrija qalet li temmen li l-kundizzjoni li tħabbru mhux se jgħinnu wisq lill-maġġoranza tar-restoranti sabiex jiżguraw li jibqgħu sostenibbli.

Waqt li laqa’ l-aħbar tad-data meta se jerġgħu jiftħu r-ristoranti, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li l-ftuħ għall-ikla ta’ waranofsinhar biss mhux se tgħin il-maġġoranza tar-restoranti. Qal li ħafna sidien se jibqgħu taħt pressjoni u appella biex il-Gvern iħalli lir-restoranti joffru l-ikel filgħaxijiet.

L-MHRA kompliet tgħid li tappoġġja l-prinċipju li jkunu protetti l-ħajjiet iżda sostniet li r-restoranti qed iħallsu prezz għoli. Qalet li r-restoranti jiddependu b’mod partikolari mill-ikliet ta’ filgħaxijiet u għal diversi restoranti mhux vijabbli li jiftħu għall-ikla ta’ waranofsinhar biss.