Politika
L-MHRA tippreżenta l-proposti għall-budget lill-Kap tal-PN

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, ippreżentat dokument li ħejjiet bi proposti għall-budget lill-Partit Nazzjonalista.

Fil-preżentazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, irrefera għall-MHRA bħala imsieħba importanti għall-ekonomija u indispensabbli għas-settur tat-turiżmu, li qal li huwa għodda li jagħmel lill-pajjiż aktar rikk.

Dwar il-proposti li l-MHRA qed tressaq għall-budget tas-sena d-dieħla, Dr Grech għaraf l-importanza tas-sostenibilità u pjani fit-tul. Saħaq fuq il-kwalità.

Il-President tal-Assoċjazzjoni, Tony Zahra, qal li l-industrija tat-turiżmu qatt m’għaddiet minn kollass daqshekk kbir bħalma kien hemm is-sena li għaddiet.

Is-Sur Zahra qal li l-viżjoni tal-pajjiż għandha tmur lil hinn minn ħames snin. Qal li t-turiżmu jista’ jintlaqat bil-miżuri kontra t-tibdil fil-klima billi 98% tal-ivjaġġar lejn Malta jsir permezz tal-ajru u staqsa jekk hux se jkun hemm taxxi ġodda fl-avjazzjoni. Hu saħaq fuq is-sostenibilità li qal għandha tkun il-qofol tal-azzjonijiet li jittieħdu.