Lokali
L-MIA tappella biex id-dokumenti tal-COVID-19 jiġu vverifikati b’mod diġitali biex jonqos il-kaos fl-ajruport

Tmint ijiem mill-ftuħ uffiċjali għall-ivvjaġġar u t-turiżmu f’Malta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jappella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex idaħħlu fis-seħħ sistema diġitali li permezz tagħha jkunu jistgħu janalizzaw id-dokumenti meħtieġa tal-passiġġieri li qegħdin jaslu f’Malta.

Fl-aħħar jiem ġie rrapportat li mijiet ta’ persuni qattgħu ħin twil jistennew fl-ajruport sakemm kellhom id-dokumenti tagħhom analizzati mill-uffiċjali fl-ajruport mal-wasal tagħhom f’Malta.

Fil-fatt mill-bidu tax-xahar, il-passiġġieri li bdew jivvjaġġaw lejn Malta, bdew jintalbu jimlew dik li hi magħrufa bħala l-Passenger Locator and Health Declaration Form. Ma’ din il-formula, il-passiġġiera jridu jippreżentaw test negattiv tal-COVID-19 (PCR test) li jkun ittieħed 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta.

Eventwalment, il-passiġġieri se jkunu jistgħu jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin minflok test tal-PCR kemm-il darba dan ikun approvat mis-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, l-ajrport ta ħajr lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jistabbilixxu s-salvagwardji meħtieġa biex is-settur turistiku f’pajjiżna jerġa’ jibda jieħu r-ruħ. Madankollu tenna l-appell tiegħu għall-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali biex id-dokumenti tas-saħħa tal-passiġġieri jiġu vverifikati b’mod diġitali.

L-MIA qal l-użu tat-teknoloġija f’dan ir-rigward jista’ jippermetti għal aċċess aktar mgħaġġel tad-dejta tal-passiġġieri f’każ li jkun hemm bżonn li jsir il-contact tracing u jista’ jikkontribwixxi wkoll għal esperjenza aħjar u b’inqas dewmien għall-passiġġieri li jaslu f’Malta.

Ikkwota wkoll it-twissija li ħareġ il-ġimgħa l-oħra l-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti fejn stqarr li l-ajruporti jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ kaos u pressjoni dan is-sajf minħabba proċess ta’ verifika ta’ dokumenti li jsir b’mod manwali flok b’mod diġitali.