Qorti
L-MIA tingħata raġun fit-tkeċċija tal-eks-CEO

It-Tribunal Industrijali kkonkluda li t-tkeċċija ta’ Marcus Klaushofer minn Kap Eżekuttiv (CEO) tal-Malta International Airport (MIA) plc kienet ġusta għax kiser l-obbligi tal-kunfidenzjalità li kien marbut bihom.

Klaushofer beda jaħdem bħala CEO tal-kumpanija fl-2012 wara li ż-żewġ naħat iffirmaw kuntratt fil-25 ta’ Jannar tal-imsemmija sena.

Il-kuntratt kien għal perjodu ta’ tliet snin li fihom kellu jitħallas €147,107 fis-sena u ‘performance bonus’ li ma setax jaqbeż il-50% tas-salarju tiegħu.

Fl-2014 il-paga tiegħu żdiedet għal €175,907 madankollu fil-21 ta’ Jannar 2015 huwa kellu l-impjieg terminat.

Klaushofer talab lill-MIA tagħtih kumpens imma l-kumpanija m’aċċettatx u kien għalhekk li huwa fetaħ il-kawża fit-Tribunal Industrijali.

Mill-provi li tressqu quddiem l-istess Tribunal Industrijali rriżulta li l-kumpanija bdiet tissuspetta li huwa kien qiegħed jgħaddi informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali lil terzi.

It-tħassib tal-kumpanija kien li Klaushofer kien qed jgħaddi informazzjoni lill-kumpanija bbażata f’Pariġi bl-isem Antnin li kienet interessata li tixtri ishma fl-MIA.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat Edmond Tabone, iċ-Ċermen tat-Tribunal Industrijali li ppresieda l-kawża, irrimarka li rriżulta li Klaushofer kien talab informazzjoni mingħand ċertu impjegati u qabbadhom jibdlu figuri biex jagħtu xejra aktar pożittiva u jogħlew l-ishma.

Klaushofer anke talab li jinnegozja kuntratt ġdid għal 10 snin b’paga doppja wara li Antnin jixtru l-MIA waqt li rriżulta li huwa kien mar anke Pariġi fejn hija bbażata Antnin.

Tabone kkonkluda li Klaushofer kiser il-‘policies’ ta’ kunfidenzjalità li suppost hu stess kien jara li ma jinkisrux u li kien f’kuntatt dirett ma’ konsorzju interessat li se jixtri l-MIA.

“Tant kien f’kuntatt li beda jinnegozja kuntratt ġdid għalih meta kien qal li ma kienx jaf li dan il-konsorzju kien interessat li jakkwista l-MIA”.

Tabone kompla li Klaushofer lagħab bil-kliem u sostna li l-aġir tiegħu kien imur kontra l-obbligi li kellu mal-kumpanija waqt li saħaq li l-pożizzjoni tiegħu poġġiet lill-MIA f’riskju.

Kien għalhekk li kkonkluda li t-tkeċċija ta’ Klaushofer minn CEO tal-MIA kienet waħda ġusta u rrifjutalu t-talba għall-kumpens.

F’din il-kawża Klaushofer kellu jidher għalih lill-Avukat Cedric Mifsud waqt li għall-MIA dehru l-Avukati Louis Degabriele u Ron Galea Cavallazzi.