Lokali
“L-MP Rosianne Cutajar għandha twarrab” – Dr Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar m’għandha l-ebda triq oħra għajr li twarrab biex ma tibqax issir ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

F’kollegament telefoniku fuq NET FM, Dr Grech ikkritika l-mod, li qal il-Prim Ministru qed jindirizza l-problema serja ta’ kredibilità li għandu l-pajjiż minħabba l-ħafna affarijiet li ġraw fl-aħħar snin u li tappnu r-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jekk id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar ma twarrabx, il-Prim Ministru għandu jieħu d-deċiżjoni hu u jippubblika r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler. Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li kellha tirriżenja, l-istess bħalma għandu jirriżenja l-Ministru Carmelo Abela għax qal qed ikomplu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Żied jgħid li l-Prim Ministru flok jaqbad il-ħuta l-kbira u jara li ma tibqax piż għall-pajjiż qed jagħmel gwerra lin-negozjanti ż-żgħar.

F’kollegament telefoniku fuq NET FM, il-Kap Nazzjonalista qal li d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista hija li l-Partit Laburista mhux veru jemmen fil-bniedem biex jagħmel il-politika għall-ġid tal-bniedem, imma juża l-bniedem biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Qal li għall-Prim Ministru l-bniedem jinsab fiċ-ċentru biex isolvi l-kwistjoni li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża mill-Financial Action Task Force, l-FATF, u jgħid li n-nies huma kriminali biex jidher li qed jinforza l-liġi imma jħalli barra lill-politiċi li misshom ilhom li ġew investigati u jaffaċċjaw il-ġustizzja. Dr Grech qal li bil-proposti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid il-ġid lin-nies u qal li fadal aktar proposti biex il-ġustizzja ssir aħjar.

Dwar il-laqgħa li din il-ġimgħa kellu mal-Kunsill Malti għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Soċjali, l-MCESD, il-Kap Nazzjonalista qal li kienet suċċess, u esprima tħassib li l-Gvern mhux veru qed jikkonsulta. Qal li laħaq livelli ta’ arroganza straordinarji li qed tagħmel ħsara kbira lill-pajjiż. Għal Dr Grech il-pjan ta’ rkupru jista’ jkun ħafna aħjar għax skontu l-Gvern ma kkonsultax dwaru. Qal li l-Oppożizzjoni qed tikkonsulta mal-imsieħba soċjali u qed toffri l-opinjoni tagħha, imma sostna li l-Gvern qabad tendenza li jirredikola l-proposti tal-Oppożizzjoni li mbagħad iżda jagħmilhom ftit wara – bħalma qal ġara fil-każ tal-IVF.