Unjoni Ewropea
L-MPE Cutajar tisħaq fuq regoli għall-għajnuna mill-istat aktar flessibbli fit-trasport bil-baħar

L-MPE Josianne Cutajar saħqet fuq il-bżonn ta’ regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat aktar flessibbli fir-rigward tat-trasport bil-baħar.

F’intervent li għamlet dwar ir-regolamenti tal-Għajnuna mill-Istat biex gżejjer u żoni marittimi fl-Ewropa jirkupraw mill-effetti tal-COVID-19, l-Ewroparlamentari Maltija insistiet li l-limiti de minimista’ bħalissa għandhom jiżdiedu b’mod permanenti, u sejħet għal aktar flessibbiltà biex jitqiesu b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi ta’ żvantaġġ li għandhom gżejjer bħal Malta u Għawdex u n-negozji li joperaw minnhom.

Cutajar talbet għal diskussjoni aperta dwar ir-rwol tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-qagħda preżenti ta’ kriżi ekonomika fil-kontinent.

Dwar it-trasport bil-baħar qalet li billi l-kriterji preżenti mhix qegħdin iqisu biżżejjed l-kuntesti speċifiċi tal-lokal u mhux dejjem jgħinu biex l-iżvantaġġ ġeografiku li jaffettwa lill-gżejjer jingħeleb. Qalet li din is-sitwazzjoni tgħodd b’mod dirett għat-trasport bejn Malta u Għawdex.

L-Ewroparlamentari Maltija kienet qed titkellem f’dibattitu ko-ordinat mill-Intergroup dwar l-Ibħra, Xmajjar, Gżejjer u Żoni tal-Kosta fi ħdan il-Parlament Ewropew (SEARICA) li tiegħu hija membru attiv.