Lokali
L-MTA b’appoġġ lill-PBS biex tkompli tippromwovi lil Destiny madwar l-Ewropa

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services, il-PBS, bil-għan li tkompli ssostni l-promozzjoni tal-kantanta Maltija Destiny fil-Eurovision Song Contest.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS Dr Mark Sammut qal l-PBS tinvesti ħafna riżorsi biex Malta tieħu sehem f’dan il-festival prestiġġjuż segwit minn udjenza li tlaħħaq il-182 miljun ruħ f’45 pajjiż differenti. Qal li l-video tal-kanzunetta ta’ Destiny Je Me Casse kellu kważi sitt miljun view u bis-saħħa t’hekk, Destiny qed twassal lil Malta f’bosta pajjiżi permezz tal-mużika.

Dr Sammut sostna li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, l-istazzjon nazzjonali tella’ produzzjonijiet ta’ kwalità, fosthom il-video tal-kanzunetta u verżjoni klassika u akustika li laħqu udjenzi kbar lil hinn minn xtutna bl-impenn qawwi tal-ħaddiema tal-PBS. Dr Sammut semma wkoll il-ħidma u t-tħejjijiet li qed isiru mill-PBS biex Destiny jkollha l-aqwa prestazzjoni possibbli f’Rotterdam.

“Filfatt dan huwa avveniment importanti ħafna, għax il-PBS minbarra li qed taqdi r-rwol tagħha biex tgħin il-kanzunetta Maltija, qiegħda wkoll tassisti mal-MTA biex tippromwovi t-turiżmu lejn Malta u fl-istess ħin tgħin fl-irkupru tal-ekonomija ta’ pajjiżna”, qal Dr Sammut.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Dr Gavin Gulia qal li l-awtorità dejjem tfittex il-vetrini ideali għal pajjiżna u l-Eurovision Song Contest hija okkażjoni unika sabiex l-MTA tippromwovi l-prodott Malti barra minn xtutna.

“U allura meta Malta tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest tkun qiegħda turi lilha nnifisha tkun viżibbli, għal dawk il-pajjiżi kollha li jkunu qed jipparteċipaw u mhux biss dawk il-pajjiżi. Din il-kollaborazzjoni hija importanti għax hija waħda mill-aqwa espressjonijiet ta’ marketing tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu”, qal Dr Gulia.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-ħsibijiet tal-PBS u tal-MTA ltaqgħu flimkien biex iwasslu messaġġ wieħed, jiġifieri dak li Malta għandha ħafna x’toffri, minn talent sa veduti pittoreski u destinazzjoni mill-isbaħ.

Waqt li sostna li rridu nkunu realistiċi minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, qal li dawn ix-xorta ta’ kollobarazzjonijiet jgħinuna biex flimkien inwasslu l-istess għajta lil hinn minn xtutna. Qal li dan kollu qed isir mingħajr ebda pretenzjoni għal xi tip ta’ riżultat ieħor.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-MTA qed tappoġġja lill-PBS biex tkompli tippromwovi lil Destiny madwar l-Ewropa bil-verżjonijiet differenti tal-kanzuntta li jinkludu filmati spettakolari ta’ Malta li jistgħu jservu ta’ promozzjoni għal gżejjer Maltin.

Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman tal-MTA Dr Gavin Gulia, miċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS Dr Mark Sammut fil-preżenza tal-Ministri Clayton Bartolo u Carmelo Abela.