Relazzjonijiet Industrijali
L-MUMN b’4,400 membru – se tibda topera minn binja ġdida f’Ħal Qormi

Minn bidu bi tmien mitt membru, bejn infermiera u qwiebel, 25 sena ilu, il-union li tirrapreżentahom, l-MUMN, illum tirrapreżenta wkoll membri minn tmien kategoriji oħra, li lkoll jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. L-MUMN illum inawgurat il-kwartieri ġodda tagħha f’Ħal Qormi.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, qal li minbarra infermiera u qwiebel, illum il-union tirrapreżenta ħaddiema minn tmien kategoriji oħra fil-qasam tas-saħħa. B’kollox, qal is-Sur Pace, l-MUMN illum għandha mal-4,400 membru.

“Union illi bdiet min ġo garaxx il-Fgura, imbagħad imxejna għas-Swatar ġewwa apartament ,imbagħad qegħdin il-Mosta, u issa, jekk Alla jrid, ħa mmorru ġo binja ngħidulha ‘state of the art’, għax se nkunu aktar servizz għall-membri u għall-komunità.”

Il-bidu tal-MUMN ra l-qwiebel jingħaqdu mal-infermiera biex tkun iffurmata il-Malta Union of Nurses and Midwives. Is-Sur Pace żied illi minn hemmhekk bdiet ħidma li ma waqfitx, u li issa hija meqjusa bħala l-akbar union fil-qasam tas-saħħa, fejn ma baqgħetx union tal-qwiebel u infermiera biss, iżda bdew jitħarsu wkoll l-aspetti soċjali u tbatijiet tal-ħaddiema stess.

Qal li għalhekk kien twaqqaf ukoll il-Florence Nightingale Benevolent Fund biex tingħata l-għajnuna fejn hemm bżonn. Is -Sur Pace qal illi minn din il-binja l-ġdida, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel se tkompli wkoll tifrex is-servizzi tagħha.

“Il-kobor ta’ din il-binja se sservi għal żewġ għanijiet; għandna l-biċċa ta’ fuq għall-konferenzi u għall-iżvilupp professjonali kontinwu, u taħt das-sular għandna Learning Institute, li bi ftehim mal-Ministru tas-Saħħa ħa jsiru l-ewwel seminars u korsijiet fuq is-saħħa tal-Mental Wellbeing tan-nies professjonisti kollha minħabba l-Covid u minn xiex il-Professjonisti kollha għaddew minnha.”

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, li faħħar ix-xogħol siewi tal-unions u qal li dan ma jfissirx biss akkwist ta’ drittijiet ahjar għall-ħaddiema, iżda jservi wkoll bħala kontribut għall-iżvilupp ta’ liġijiet industrijali, u li fl-aħħar mill-aħħar tkompli tissawwar id-demokrazija industrijali aktar b’saħħitha.

Huwa esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għat-twaqqif ta’ Istitut għat-Tagħlim, għax saħaq illi t-tagħlim kontinwu huwa ċ-ċavetta għal servizzi tajbin u ta’ kwalità, filwaqt li faħħar l-att nobbli tal-Florence Nightingale Benevolent Fund għax qal li dan juri rispett u solidarjetà bejn il-ħaddiema.