COVID-19
L-MUMN tgħid li m’hemmx biżżejjed infermiera mħarrġa għas-sodod imħejjija fl-ITU

Il-Union għall-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, għamlet referenza għall-fatt li fl-isptar Mater Dei hemm 75 sodda mħejjija fl-ITU biex jilqgħu pazjenti bil-Covid-19, waqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex hemm 25.

L-MUMN qalet li mhux l-ammont ta’ sodod biss huma importanti, imma anki l-infermiera speċjalizzati li jkun hemm magħhom. Sostniet li bħalissa m’hemmx biżżejjed infermiera mħarrġa għal dan l-ammont ta’ sodod.

L-MUMN qalet li tinsab imħassba bl-ammont ta’ każi ta’ Covid-19 li qed jiżdiedu, u appellat lill-pubbliku biex iżomm id-distanza, jaħsel idejh spiss u jilbes il-maskra. Appellat ukoll lill-Gvern biex jikkunsidra miżuri oħra li ġew addottati minn pajjiżi oħra fl-Ewropa.