Lokali
L-MUMN twissi b’azzjoni industrijali fuq il-kundizzjonijiet u n-nuqqas t’infermiera

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel irreġistrat tilwima industrijali mal-gvern dwar il-ftehim settorali tal-membri tagħha u dak li sejħet bħala nuqqas akut ta’ staff. L-MUMN qalet li jekk sal-Ħadd li ġej ma tirċevix risposti sodisfaċenti, ma jkollhiex triq oħra ħlief li toħroġ direttivi industrijali fuq kull post tax-xogħol fejn hemm infermiera u qwiebel.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, wissiet lill-gvern b’azzjoni industrijali jekk sal-Ħadd li ġej ma tirċevix proposti konkreti għat-talbiet li qed tagħmel.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea, qal li l-aħħar ftehim settorali għall-infermiera u l-qwiebel ntlaħaq ħames snin ilu. Spjega li wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju, ma saret l-ebda laqgħa mal-uffiċju tal-Prim Ministru minkejja li kienu saru żewġ laqgħat separati f’Marzu u f’April.

Qal li l-gvern qabel li jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-union f’nofs il-ġimgħa d-dieħla iżda l-MUMN trid li tingħata garanzija bil-miktub li f’din il-laqgħa l-gvern jagħtiha l-kontroproposti. Talbet ukoll li tingħata skeda li għandha twassal għall-iffirmar tal-ftehim settorali ġdid sal-aħħar tas-sena.

“Qed nagħtu ċans lill-gvern sa nhar il-Ħadd, biex iwieġeb għall-kundizzjonijiet li għamilna aħna… iżda jekk naraw li l-gvern mhux se jagħti widen għal dak li qed nitolbu, it-Tnejn filgħodu, it-tlieta u għoxrin ta’ Ottubru, nibdew id-direttivi ma’ Malta u Għawdex kollu,” qal Galea.

Is-Sur Galea qal li bħalissa hawn madwar 3,500 infermier, li m’humiex biżejjed għall-ħtiġijiet tas-servizz tas-saħħa. Qal li huma meħtieġa 500 infermier ġdid u semma studju li identifika li fir-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paule biss hemm bżonn 140 infermier. Colin Galea qal li ż-żieda fir-riżorsi umani mhix biżżejjed iżda hu meħtieġ ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.