COVID-19
L-MUT b’appell biex kulħadd jerfa’ responsabbiltà u jaħseb fit-tfal u ż-żgħażagħ

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija COVID-19 kif evolviet f’dawn l-aħħar jiem, il-Malta Union of Teachers (MUT) appellat sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.

Il-Union qalet li kull azzjoni jaf ikollha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, partikolarment fuq deċiżjoni kbira bħal dik jekk jiftħux l-iskejjel minn Settembru li ġej.  Qalet li t-traskuraġni, in-nuqqas ta’ ħsieb u t-trijonfaliżmi ta’ xi wħud jafu jħallu impatt enormi fuq it-tagħlim fl-iskejjel fix-xhur li ġejjin.

Fi stqarrija, il-union tkellmet dwar kif it-tagħlim online ma jista’ qatt jirreplika dak li jsir wiċċ imb wiċċ fil-klassi, kemm il-ħtieġa ta’ kuntatt uman, il-kuntest ta’ kollaborazzjoni u anki bħala qsim t’esperjenzi mal-komunità kollha tal-iskola. Iżda, iż-żieda fit-trażmissjoni tal-virus qed tinkwieta lil kulħadd, mhux anqas lill-edukaturi li huma konxji li l-ambjent tal-klassi jeħtieġ kuntatt kontinwu ma’ gruppi kbar ta’ studenti fi spazji ristretti.

L-MUT tifhem li l-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar, għall-edukaturi, studenti, ġenituri u familjari l-aktar jekk hemm xi ħadd minnhom jew qrib tagħhom vulnerabbli.

Għaldaqstant l-MUT qed tappella lil kull individwu sabiex jaħseb dwar deċiżjonijiet li jista’ jieħu li jpoġġuh f’riskju ta’ teħid u tixrid tal-virus. Fuq quddiem nett, wara l-persuni vulnerabbli li għandhom riskji serji għal saħħithom, għandu jkun hemm it-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom dritt għall-aqwa esperjenza edukattiva fl-iskola. Qalet ukoll li din l-esperjenza tista’ terġa’ tiġi limitata serjament jekk jibqa’ jkollna din ir-rata tat-tixrid tal-virus.

Aħbarijiet Oħra

Raġel Franċiż ta’ 23 sena li joqgħod is-Swieqi weġġa’ serjament wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu waqa’ f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq Santu Wistin għall-ħabta tal-4.00am. Il-Pulizija tad-Distrett…

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Mart il-President ta’ Malta, is-sinjura Miriam Vella qalet li tifhem eżatt il-bżonn ta’ iktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider għax tilfet lill-ommha b’dan il-kanċer. Is-sinjura Vella din is-sena hija l-Patruna tal-kampanja…

Aktar