Lokali
AĠĠORNAT: L-MUT b’tilwima industrijali mal-iskejjel tal-Knisja – is-Segretarjat tal-Edukazzjoni jgħid li hu kommess biex jintlaħaq ftehim

L-Unjin tal-Għalliema ddikjarat tilwima industrijali mal-iskejjel tal-Knisja.

Fi stqarrija, l-Unjin qalet li wara xhur ta’ negozjati fuq ftehim kollettiv ġdid, in-negozjati fallew. Hija saħqet li mhux se taċċetta kundizzjonijiet inferjuri għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja meta mqabblin mal-għalliema fl-iskejjel tal-Istat.

L-MUT qalet li l-awtoritajiet tal-Knisja mhux jaqblu dwar il-mekaniżmu propost li tippermetti li għalliema fl-iskejjel tal-Knisja jiċċaqalqu għal skejjel oħra tal-Knisja. Qalet ukoll li l-awtoritajiet tal-Knisja mhux jaqblu li jipprovdu laptops lil Learning Support Educators u Kindergarten Educators. Żiedet tgħid li l-Knisja ma qablitx li tagħti kumpens finanzjarju lill-għalliema li se jiżdidilhom ix-xogħol minħabba riformi fl-assessjar u l-eżamijiet. L-MUT qalet li l-iskejjel tal-Knisja qed iħaddmu għalliema b’kundizzjonijiet u salarji inferjuri meta mqabbla ma’ tal-għalliema tal-Gvern.

Temmet tgħid li mhux se taċċetta kundizzjonijiet inferjuri għall-għalliema tal-Knisja.

Intant fi stqarrija,is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika qal li jinsab sorpriż bl-istqarrija tal-MUT. Qal li l-unjin tinsab infurmata, li fil-jiem li ġejjin, is-Segretarjat għandu laqgħat skedati ma’ diversi entitajiet biex jiddiskuti l-punti mqajma mill-MUT. Enfasizza li l-għalliema huma mħallsa mill-Gvern u għandhom remunerazzjoni skont il-ftehim li kien sar bejn l-Istat tal-Vatikan u r-Repubblika ta’ Malta fl-1991. Saħaq li huwa  konxju tar-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-qasam edukattiv, l-għalliema u l-istudenti. Qal li huwa kommess biex jintlaħaq ftehim.