Edukazzjoni
L-MUT tirreaġixxi għall-protest ġudizzjarju mressaq mill-Avukat Andre Borg

L-MUT fi stqarrija qalet li kull deċiżjoni li ttieħdet min-naħa tal-union saret għas-saħħa u s-sigurta tal-istudenti, l-edukaturi u l-familji.

F’reazzjoni għall-aħbar li tressaq protest ġudizzjarju kontra l-MUT u l-UPE fid-dawl tad-dewmien għall-ftuħ tal-iskejjel fost oħrajn, qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, liema deċiżjoni l-MUT laqgħet.

Fi stqarrija, il-union qalet li talbet lill-iskejjel indipendenti jadottaw il-miżuri tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ftuħ tal-iskejjel u l-Covid-19. Minkejja li żammet kuntatt u kkuntattjat lil kull skola b’mod separat, l-MUT qalet li qatt ma imponiet deċiżjonijiet fuq dawn l-imsemmija skejjel.

Qalet li l-iskejjel għarrfuha bl-arranġamenti li saru min-naħa tagħhom, li laqgħet wara li rat li ma kellha l-ebda nuqqas ta’ ftehim mal-membri tagħha.

Il-Union saħqet li għamlet dmirha biex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji bid-djalogu soċjali li ħolqot mal-awtoritajiet u l-iskejjel.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim onlajn, l-MUT qalet li kienet ċara mill-bidu nett meta faqqgħet il-pandemija, fejn kienet qablet mal-parametri tat-tagħlim onlajn wara diversi diskussjonijiet mal-iskejjel.