Edukazzjoni
L-MUT u l-UPE jitolbu biex il-ftuħ tal-iskejjel jiġi pospost minħabba ż-żieda ta’ każijiet tal-Covid-19

Iż-żewġ unions tal-għalliema, l-MUT u l-UPE qed jitolbu lill-Gvern biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel u minflok l-lezzjonijiet għandhom jibdew isiru online. L-MUT qalet li talbet formalment lill-Gvern biex jikkunsidra li jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondarji u terzjarji; filwaqt li l-UPE qed tikkunsidra li tordna azzjoni industrijali jekk jinfetħu l-iskejjel.

Hekk kif fit-28 ta’ Settembru l-Gvern qed jippjana li jinfetħu l-iskejjel, iż-żewġ unions tal-għalliema, l-MUT u l-UPE qed jitolbu biex il-bidu tas-sena skolastika ġdida jkun pospost.

L-MUT qed tgħid li filwaqt li se tkompli tiddiskuti mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ma tridx li l-iskejjel jinfetħu kif ippjanat, bil-President tal-MUT Marco Bonnici jgħid li l-kunsill jinsab inkwetat li biż-żieda ta’ każijiet. Talab li l-iskejjel jiġu ċertifikati li huma siguri qabel ma jaċċettaw lill-istudenti u l-għalliema.

“Jekk inkunu f’pożizzjoni li l-iskejjel ikunu compliant li jimxu mal-protokolli u implimentazzjoni aċċettabbli mbagħad jiftħu l-iskejjel, imma f’dan l-istadju, la llum u lanqas ġimgħa oħra mhu se nkunu qrib din il-pożizzjoni.”

Is-Sur Bonnici qal li waħda mill-problemi għall-ftuħ tal-iskejjel hi li l-protokolli tas-saħħa għall-iskejjel ħarġu tard wisq, u l-iskejjel għandhom problemi kbar biex isegwuhom, fosthom minħabba nuqqas ta’ spazju. Qal li din mhix id-deċiżjoni finali tal-Union.

TVM staqsa lis-Sur Bonnici x’qed jissuġġerixxu li jsir, f’sitwazzjoni fejn it-tfal ilhom minn Marzu ma jkollhom lezzjoni normali fl-iskejjel.

”Il-mudell li jinfetħu l-iskejjel bil-pjani li hemm mhux aċċettabbli u għalhekk l-MUT tissugerixxi li tibda l-online, u l-ftuħ jiġi pospost għal data ulterjuri.”

Intant il-UPE Voice of the Workers qed tappella wkoll lill-Gvern biex iħalli l-iskejjel magħluqin għax qalet li s-sitwazzjoni attwali mhix sostenibbli. Il-union talbet lill-Prim Ministru biex il-lezzjonijiet isiru online u qalet li qed tikkonsidra li jekk jiftħu l-iskejjel tordna azzjoni industrijali għall-membri tagħha.

Jirreaġixxi l-PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li l-Gvern inqabad li mhux ippreparat biex jiftħu l-skejjel u lanqas biex joffri t-tagħlim online.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, is-Sur Puli qal li n-nuqqas ta’ kontroll fl-imxija tal-pandemija fl-aħħar ġimgħat qed tħasseb lill-ġenituri u rriżultat ukoll f’reazzjoni iebsa mill-unjins tal-għalliema.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ilu xhur jappella għal pjani u xenarji differenti li jistgħu jinqalgħu minħabba l-imxija tal-pandemija.

Aħbarijiet Oħra

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Il-Ministeru għall-Ekonomija qal li l-voucher il-blu ta’ €20 maħruġ diġà jista’ jintuża għand negozji ta’ arti, kultura u edukazzjoni. Dan tħabbar fi stqarrija b’referenza għat-talba tal-Malta Entertainment Industry and Arts…

Aktar