Lokali
L-MUT tittama li bir-rilaxx tal-miżuri ma jkollniex mewġa oħra ta’ każijiet

Fl-ewwel reazzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-iskejjel, l-MUT qalet li qed tittama li bit-tnaqqis tal-miżuri daqstant kmieni ma jerġax ikollna mewġa oħra ta’ każijiet li fi kliemha jipperikolaw is-saħħa ta’ kulħadd u jagħmluha insostenibbli għall-iskejjel biex joperaw.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li d-deċiżjonijiet u r-responsabbiltà dwar il-ftuħ tal-iskejjel fl-aħħar mill-aħħar huma tal-gvern.

Qalet li d-deċiżjoni tħabbret meta l-MUT kienet għadha għaddejja bid-diskussjonijiet mal-Ministru Justyne Caruana, u għaldaqstant id-dettalji tad-deċiżjoni mħabbra ma tinkludix dak li qed jiġi diskuss.

L-MUT saħqet li għandu jkun hemm ‘staggering’ għaqli tad-dħul lura fl-iskejjel, li jfisser li gruppi differenti fl-istess skola jidħlu ġurnata wara l-oħra sabiex l-iskola tilħaq in-numri ta’ studenti flimkien fuq medda ta’ jiem.

Qalet li tinsab lesta li tkompli tiddiskuti d-dettalji mal-Ministeru fid-dawl ta’ dak li tħabbar u tistenna wkoll diskussjoni sabiex jitħabbru l-miżuri li ser ikunu qegħdin jittieħdu sabiex l-eżamijiet, fosthom, tas-SEC u l-MATSEC ikunu jistgħu isiru.

L-MUT innotat wkoll ir-referenza għall-vaċċin tal-edukaturi u fakkret li għad hemm mijiet ta’ edukaturi li għadhom ma rċevewx l-appuntament għall-ewwel doża, filwaqt li l-appuntamenti għat-tieni doża jibdew minn Mejju li ġej.

Qalet li bil-varjant issa hemm it-tfal ukoll li qegħdin jieħdu l-virus f’numru akbar u dawn ma jieħdux il-vaċċin. Qalet li dan ifisser li l-komunità kollha, partikolarment familji u nies li jiġu f’kuntatt mat-tfal u mal-ħaddiema kollha fl-iskejjel, għandha tkompli ssegwi l-miżuri kollha skont il-protokolli.

L-MUT kkundannat lil min qed jagħmel referenzi li bħalikieku l-ħidma mill-edukaturi f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur kienet tfisser telf għall-istudenti. Qalet li dan mhux il-każ, kif jixhdu l-istess edukaturi, ġenituri u studenti.

L-MUT tat ħajr lill-edukaturi kollha għax-xogħol kbir li għamlu sabiex addattaw fiċ-ċirkustanzi diffiċli li qalet li ninsabu fihom.

Il-UPE tgħid li għandha r-riservi tagħha fuq il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel 

Anke l-Union tal-edukaturi professjonali, l-UPE qalet li għandha r-riservi tagħha fuq il-ftuħ fiżiku tal-iskejjel minkejja l-miżuri taż-żamma tad-distanza soċjali, is-sistema tal-bubble, l-infurzar tal-ilbies tal-maskri u l-enfasi tal-ħasil tal-idejn u ventilazzjoni. Il-Union qalet li sa issa l-Ministeru għall-Edukazzjoni m’għadda l-ebda linji gwida biex dawn il-miżuri se jiġu implimentati.