L-MUT tordna tilwima industrijali fil-Higher Secondary tan-Naxxar

Il-Malta Union of Teachers (MUT) ordnat tilwima industrijali fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School tan-Naxxar u tat direttiva lill-membri tagħha biex ma jattendux l-“Open Day” li qed tiġi organizzata mis-Surmast tal-Iskola.

Fi stqarrija l-MUT qalet li din l-“Open Day” kienet diġà saret is-sena l-oħra u spiċċat ħolqot ħafna tensjonijiet u nkwiet bejn edukaturi diversi minħabba li din is-suppost “Open Day” spiċċat monti tas-suġġetti akademiċi u kompetizzjoni bejn dipartimenti differenti minflok, kif isir f’kull istituzzjoni serja, showcase tax-xogħol li qed tagħmel l-iskola u l-edukaturi tagħha.

It-tilwima kellha tiġi ordnata wara li s-Surmast tal-istess skola, għat-tieni sena konsekuttiva, impona fuq l-amministraturi u l-edukaturi kollha tal-iskola, bla ebda konsultazzjoni u wisq inqas kunsens, biex jattendu din l-“Open Day” tard filgħaxija.

L-MUT qalet li s-Surmast ta’ din l-iskola injora mhux biss l-appelli tal-Union biex dan ilaqqa’ lill-istaff, issir diskussjoni u tittieħed deċiżjoni demokratika, iżda injora wkoll ordni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħmel propju dak li appellat il-Union. Dan minkejja l-fatt li ħafna edukaturi lesti li jmorru jagħtu sehemhom għall-“Open Day” imma mhux lesti jaċċettaw dittatorjat fl-iskola tagħhom, liema dittatorjat qed jiġi manifestat fuq diversi deċiżjonijiet oħra meħuda mill-istess Surmast, li l-ewwel jiddeċiedi, imbagħad jippubblika d-deċiżjoni, imbagħad taparsi jikkonsulta wara li kollox ikun lest.

L-MUT qalet ukoll li minkejja li dan is-Surmast kellu diversi ġimgħat ċans biex ilaqqa’ lill-istaff tiegħu, minflok beda jiżra d-dubji u l-inċertezzi billi b’mod sottili jhedded lin-nies b’redundancies jekk ma jmorrux biżżejjed studenti, ipoġġi taħt pressjoni edukaturi żgħar fl-anzjanità u fl-età, u joffri anki somom ta’ flus mill-fondi tal-iskola lil persuni diversi biex ikopru l-ispejjeż li jistgħu jagħmlu jekk jinjoraw id-direttiva tal-Union u jattendu xorta.

Żiedet li ħafna edukaturi ta’ din l-iskola li tkellmu b’mod miftuħ mal-Uffiċjali tal-Union esprimew għadab u dieqa għall-mod kif qed jiġu ttrattati minn dan is-Surmast, li donnu m’għandux idea ta’ kif taħdem edukazzjoni demokratika, iżda minflok juża tattiċi ta’ ifred u saltan. Iktar minn hekk, dan is-Surmast li dal-weekend mar għand il-Ministru nnifsu biex minn għalih il-Ministru jsiblu xi formula maġika li biha jsolvi t-tbażwira li għamel, ġie jaqa’ u jqum mill-fatt li d-Direttur Ġenerali talab għal laqgħa konċiljatorja mal-Union u minflok mar fuq diversi programmi televizivi qisu qatt ma kien xejn u jibgħat korrespondenza lill-edukaturi tiegħu biex javżahom fuq liema programmi se jidher.

Għaldaqstant l-MUT qed titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jinvestiga l-mod ta’ kif dan is-Surmast qed imexxi din l-iskola u lill-edukaturi ta’ taħtu, kif ukoll qed titlob lill-Ministeru biex jinvestiga jekk kienx hemm abbuż ta’ pożizzjoni meta l-istess Surmast talab li jitneħħa l-warrant ta’ għalliema wara li din ħadet inizjattiva biex tbiddel mistoqsija f’class-based test li kienet se tippreżenta diffikultà lill-istudenti, liema każ ġie mormi ‘l barra mill-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema u sewa madwar €3000 fi spejjeż inutli.