Politika
L-NCPE tilqa’ l-iżviluppi biex tiżdied l-ugwaljanza fl-isfera politika

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) laqgħet l-iżviluppi parlamentari li qalet se jwasslu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isfera politika.

Fi stqarrija l-NCPE qalet li l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta u Diversi Liġijiet (Emenda) li bħalissa jinsab fl-istadju tat-tieni qari huwa inizjattiva importanti li ddeskriviet bħala żvilupp storiku.

Qalet li din il-proposta hija r-riżultat tar-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament li għandha l-għan li tindirizza d-defiċit demokratiku attwali minħabba r-rappreżentanza baxxa u persistenti tan-nisa fl-isfera politika.

Fakkret kif għal għexieren ta’ snin, Malta waqgħet lura minn pajjiżi oħra fil-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament. Qalet li l-aħħar statistika tal-2020 turi li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti kienet biss ta’ 13.4% meta mqabbla ma’ 32.8% tal-medja Ewropea (UE 28) .

L-NCPE saħqet li l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti se tkun strumentali għat-tisħiħ ta’ soċjetà demokratika bil-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fl-ogħla istituzzjoni nazzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Ara wkoll:

Diskussa l-liġi elettorali għal rappreżentanza ugwali bejn nisa u rġiel fil-Kamra tad-Deputati