Lokali
L-OHSA b’linji gwida ġodda dwar l-użu b’mod sigur tat-‘tail lifts’

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà nediet linji gwida ġodda għal kif għandhom jintużaw it-‘tail lifts’ biex dawn ma jkunux ta’ periklu. Fi stqarrija l-OHSA qalet li filwaqt li t-tail lifts jistgħu jidhru sempliċi biex tużahom, jekk ma jintużawx kif suppost jistgħu mhux talli jagħmlu ħsara lill-merkanzija, iżda anki jindarbu persuni. Qalet ukoll li min jindarab jista’ jġarrab minn ġrieħi ħfief sa mewt. Sostniet li għalhekk hu importanti li dawn jintużaw b’mod adegwat.

L-OHSA qalet li l-linji gwida jinkludu r-rekwiżiti legali tal-użu tat-tail lift, fosthom li jingħata t-taħriġ qabel ma persuna tibda tużah, u spezzjonijiet u manutenzjoni regolari. L-Awtorità qalet li tail lifts li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija biss, għandhom jiġu spezzjonati kull sena, filwaqt li dawk li jintużaw min-nies ukoll trid issirilhom spezzjoni kull sitt xhur. Il-linji gwida jgħidu wkoll li min juża t-tail lift għandu jkollu aċċess għall-manwal tiegħu f’kull ħin. Il-ħaddiema li jużawh għandhom ikunu wkoll konxji tal-perikli li jġorr miegħu.

L-Awtorità qed tagħti informazzjoni wkoll dwar rekords li għandhom jinżammu dwar manutenzjoni u tiswija li ssir lit-tail lifts. Qalet li għandhom jinżammu wkoll rapporti tal-ispezzjonijiet, fosthom dawk tal-ittestjar ta’ kemm jiflaħ iġorr. Għandu jkun hemm rekords ukoll tat-taħriġ ta’ min jużahom u li r-rekords kollha għandhom jinżammu għal sentejn.

Safe use of Tail Lifts