Lokali
L-OHSA tidentifika lill-ħaddiem li deher iżomm b’ċinga raġel f’tarf ta’ gallarija

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xolgħol, l-OHSA qalet li rnexxielha tidentifika l-post u titkellem mal-persuni involuti f’ritratt ippubblikat lbieraħ fuq fil-midja soċjali.

Ir-ritratt juri ħaddiem qed iżomm ċinga marbuta ma’ xedd tas-sigurtà li liebes ħaddiem ieħor hu u jaħdem fit-tarf ta’ gallerija bla lqugħ.

Fi stqarrija, l-OHSA qalet li r-ritratt la kien jagħti indikazzjoni ta’ meta ttieħed u l-anqas tal-post fejn ittieħed. Madankollu qalet li rnexxielha tidentifika l-post u n-nies involuti u se tkompli bl-azzjonijiet fuq l-każ.

L-OHSA qalet li meta jittieħed ritratt bħal dan u jittella’ fuq il-mezzi tal-midja soċjali bla ma tkun infurmata, ifisser biss li l-ħaddiem se jitħalla jaħdem fil-periklu b’riskju għal ħajtu.

L-awtorità qalet li s-sena li għaddiet wettqet mal-5,000 spezzjoni, ħarġet 2,000 ordni biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa, waqqfet 500 attività ta’ xogħol, u ħarġet iktar minn 300 multa.

Madanakollu qalet li l-Uffiċjali tagħha ma jistgħux ikunu kullimkien u f’kull ħin.

Għalhekk, tenniet li min jara sitwazzjonijiet simili, jirrapporta minnufih lill-OHSA, anki b’mod anonimu.

Qalet li jekk isir hekk l-OHSA tkun tista tinvestiga mill-ewwel u tieħu kull azzjoni meħtieġa fl-interess tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà u tal-ħajja.

L-OHSA tista’ tiġi kkuntattjata fuq in-numri 21247677 jew 99496786 (wara l-ħin tax-xogħol) u fuq il-mezzi tagħha ta’ komunikazzjoni.