Lokali
L-OHSA timmulta 700 għal irregolaritajiet fuq il-post tax-xogħol

Minn Jannar ‘il hawn, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, ħarġet 690 multa b’valur ta’ iktar minn kwart ta’ miljun ewro għal nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-Awtorità qalet li nbdew proċeduri legali fil-konfront ta’ 112-il każ. Minnhom, 45 instabu ħatja mill-Qorti u weħlu multi minħabba ksur ta’ liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-multi ngħataw lil persuni differenti fosthom diretturi ta’ kumpaniji kif ukoll klijenti u project supervisors fuq proġetti ta’ kostruzzjoni.

Minn kważi erbat elef spezzjoni li saru mill-bidu tas-sena s’issa, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, ħarġet 690 multa li bejniethom jammontaw għal iktar minn kwart ta’ miljun ewro. Fi stqarrija, l-OHSA qalet li dawn in-nuqqasijiet instabu f’oqsma differenti tax-xogħol li qalet setgħu jwasslu għal danni fiżiċi, korrimenti jew imwiet fuq il-lantijiet tax-xogħol.

Fl-istess perjodu l-OHSA waqqfet ix-xogħlijiet f’480 post tax-xogħol. L-Awtorità qalet li nbdew proċeduri legali fil-konfront ta’ 112-il każ. Minnhom, 45 instabu ħatja mill-Qorti u weħlu multi li jammontaw għal kważi €69,000 minħabba ksur ta’ liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-multi ngħataw lil persuni differenti fosthom diretturi ta’ kumpaniji, min iħaddem, persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll klijenti u project supervisors fuq proġetti ta’ kostruzzjoni. Il-maġġoranza tan-nuqqasijiet instabu f’siti tal-kostruzzjoni u l-bqija kien fi stamperija u f’fabbriki fost oħrajn.

In-nuqqasijiet ġew identifikati fl-ambitu tat-tifi tan-nar u l-evakwazzjoni tal-ħaddiema, persuni li naqsu li jiżguraw li l-lift għat-trasport ta’ merkanzija installat fil-post tax-xogħol jiġi eżaminat minn entità kompetenti kull sitt xhur u li jibgħat ir-rapport ta’ dan l-eżami lill-OHSA sa 28 ġurnata mid-data tal-eżami. Kien hemm min naqas li jagħti informazzjoni lill-uffiċjali tal-OHSA.

L-OHSA saħqet li l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem m’għandhiex prezz u għandha tingħata prijorità assoluta. Wissiet li se tkompli tieħu azzjoni kontra min ma jħarisx is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.