Barranin
L-Olanda u Ċipru kostretti jdaħħlu mill-ġdid restrizzjonijiet fuq ristoranti, bars u postijiet tad-divertiment

Fl-Olanda, ġimagħtejn biss wara t-tneħħija ta’ għadd ta’ restrizzjonijiet, l-awtoritajiet tal-pajjiż ħabbru li se jdaħħlu mill-ġdid għadd ta’ miżuri restrittivi fuq ir-restoranti, il-bars, il-kafetteriji, u l-postijiet tad-divertiment.

Dan wara li l-każijiet ta’ Covid-19 fil-pajjiż żdiedu b’għaxar darbiet kuljum, b’rata ta’ kważi sebat elef każ.

Ċipru wkoll daħħal għadd ta’ restrizzjonijiet dwar l-għadd ta’ persuni li jistgħu jidħlu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ divertiment wara li l-ammont ta’ infezzjonijiet laħqu l-ogħla rata matul din is-sena.

Sadanittant, il-Portugall ħabbar li biex it-turisti jibqgħu fil-lukandi u biex jieklu fir-restoranti jridu jkunu mlaqqma, ikollhom test negattiv tal-PCR jew ikunu rkupraw mill-virus.