Barranin
L-Olandiżi għadhom l-itwal poplu fid-dinja… iżda qed jiqsaru

S’issa l-Olandiżi għadhom fil-quċċata tal-iktar nies twal fid-dinja, iżda statistika riċenti turi xejra kurjuża li ‘l quddiem tista’ tkun qed tibdlilhom posthom f’din il-klassifika.

L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika Olandiż sab li dawk imwielda fl-2001 huma iqsar mill-ġenerazzjoni ta’ qabilhom. Fl-2020 ġuvintur ta’ 19-il sena kienu twal medja ta’ 182.9 ċentimetri, waqt li t-tfajliet kellhom medja ta’ 169.3 ċentimetri.

Dan ifisser li t-tfajliet huma 1.4 ċentimetri iqsar, waqt li l-irġiel huma ċentimetru iqsar minn dawk imwielda fl-1980.

Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis fit-tul għadha mhux ċara, u skont l-esperti ma tistax tiġi spjegata biss bl-influss ta’ immigrazzjoni, għax dawk li n-nanniet u l-ġenituri tagħhom kienu mwielda fl-Olanda xorta waħda ma twalux, u fil-każ tat-tfajliet, saħansitra qsaru.

Xejra simili kienet innotata fl-Istati Uniti fl-aħħar snin, fejn huwa ssuspettat li l-konsum ta’ ikel li mhux bnin qed jaffettwa t-tul taż-żgħażagħ.

B’kuntrast, popolazzjonijiet oħra żiedu t-tul sostanzjalment matul l-aħħar għexieren ta’ snin, fejn skont statistika riċenti, bejn l-1914 u l-2014 nisa fil-Korea ta’ Fuq twalu b’medja ta’ 20 ċentimetru, waqt li dawk fir-Renju Unit twalu bi 11-il ċentimetru.