Kurżitajiet
L-omm “li kellha għaxart itfal” akkużata li vvintat l-istorja

Il-mara mill-Afrika ta’ Isfel li qalet li welldet għaxart itrabi mill-istess tqala ddaħħlet fi sptar għall-kura mentali wara li ġiet akkużata li vvintat l-istorja.

L-uffiċjali tal-pulizija arrestaw lil Gosiame Thamara Sithole li għandha 37 sena fid-dar tal-qraba tagħha fil-belt ta’ Johannesburg kmieni l-Ħamis filgħodu tas-17 ta’ Ġunju.

Hija ġiet miżmuma wara li ġiet irrapportata nieqsa mill-qraba tal-ex sieħeb tagħha Teboha Tsotestsi.

Il-mara kienet qalet li welldet għaxart itfal fi sptar fil-belt ta’ Pretoria fil-lejl tas-7 ta’ Ġunju.

Hija akkużat lill-qraba tal-ex sieħeb tagħha li kienu qegħdin jipprovaw jieħdu jieħdu donazzjonijiet mill-pubbliku li kienu ngħataw għat-trabi minkejja d-dikjarazzjoni tagħhom li l-għaxart itrabi ma jeżistux.

L-eżistenza tal-għaxart itrabi għadha ma ġietx ikkonfermata jew miċħuda, u l-midja indipendenti, li ħarġet bl-istorja, qed takkuża lill-awtoritajiet b’cover-up.

Fl-istess waqt il-pulizija qed tiċħad li l-mara ġiet arrestata għal dan ir-reat qabel ma ngħatat il-kura mill-awtoritajiet tas-saħħa mentali tal-pajjiż.