L-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku se jintroduċi t-‘travel card’

Il-kumpanija li qed tħaddem is-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku qed tħeġġeġ lill-passiġġieri biex jibdew jużaw it-‘transport card’ ladarba din tkun introdotta u tinħareġ għall-bejgħ. Il-cards se jkunu fl-idejn minn Marzu biex jindraw sa meta jidħlu fis-seħħ minn Lulju.

Uffiċjali tal-kumpanija qalu li se jkunu qed jindirizzaw ukoll l-ilmenti dwar l-imġieba u l-attitudni ta’ xufiera.

L-għada li bdiet tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta, il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon spjegat kif f’qasir żmien se tibda tħaddem is-sistema ta’ transport cards – sistema li tixbah ħafna dik tal-oyster cards f’Londra.

Is-sistema tal-card se tkun introdotta f’Marzu li ġej biex tibda tintuża minn Lulju. Fl-ewwel sena, il-pubbliku li jagħżel li jkollu card se tingħatalu b’xejn. Se jkun impost ħlas biss f’każ li l-card tintilef jew tinsteraq.

Id-Direttur ta’ Autobuses de Leon, Felipe Cosmen, qal li l-passiġieri jaqblilhom aktar jużaw din il-card milli jixtru l-biljett minn fuq tal-linja. Dan għaliex vjaġġ ta’ sagħtejn se jkun irħas mil-lum: 75 ċenteżmu għall-adulti u 25 ċenteżmu għat-tfal u l-anzjani bil-Karta Anzjan. B’kuntrast, jekk il-biljett jinxtara minn fuq tal-linja, kull vjaġġ se jiswa’ ewro u ħamsin ċenteżmu. U fis-sajf, vjaġġ b’biljett mixtri mingħand ix-xufier, se jigi jiswa żewġ ewro.

Il-passiggieri se jkollhom il-faċilità li jżidu l-flus fil-cards tagħhom mil-lokalitajiet fejn jgħixu.

Il-kumpanija qed tħejji bosta kampanji ta’ informazzjoni, partikularment fost l-anzjani u l-istudenti.

Id-Direttur ta’ Autobuses de Leon qal li d-dispatchers għad hemm bżonnhom biex jassiguraw li l-passiġieri jkunu qed jivvalidaw il-cards tagħhom.

Żied jgħid li permezz tas-sistema l-ġdida, il-kumpanija se tkun tista’ tiġbor informazzjoni dwar rotot varji f’ħinijiet u perjodi differenti u b’hekk tkun tista’ ttejjeb is-servizz.

Il-kumpanija li żammet l-isem Malta Public Transport għaddeja mill-proċess tal-għażla biex timpjega 100 xuffier ġdid li se jingħaqdu mat-800 ta’ bħalissa.

Fl-isfond li ħafna passiġieri jilmentaw mill-attitudni ta’ wħud mix-xufiera, is-sur Cosmen qal li x-xufiera se jingħataw taħriġ dwar kif imorru mal-pubbliku. Filwaqt li rrikonoxxa li mhux faċli li wieħed isuq tal-linja fit-traffiku ta’ Malta, is-Sur Cosmen qal li x-xufiera se jingħataw taħriġ anke dwar kif għandhom jirreaġixxu f’każ ta’ inċident.