Propjetà
L-operaturi li jitħanżru huma l-akbar sfida għall-bini – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-akbar sfida għall-ġejjieni sostenibbli tal-industrija tal-bini hija l-kilba u regħba li għandhom uħud mill-operaturi fis-settur li fi kliemu jridu “jitħanżru”.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza nazzjonali dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u s-suq tal-propjetà organizzata mill-Fondazzjoni Property Malta b’kollaborazzjoni ma’ KPMG, il-Prim Ministru qal li l-aġir ta’ ftit operaturi jaf javvelena s-settur li għadu miexi b’ritmu sostenibbli, kif jixhdu l-banek u s-suq innifsu.

Dr Muscat qal l-indikaturi ekonomiċi juru li l-qasam tal-kostruzzjoni f’Malta qed jikber għax qed tikber l-ekonomija, u mhux bil-maqblub. Dr Muscat qal li kieku din ix-xejra kienet l-oppost kien ikun ta’ tħassib għax jaf iwassal għal settur spekulattiv li jqanqal ‘bubble’, bħal “bodybuilder li jkun qed ikabbar il-muskoli tiegħu bl-isteroids”.

Il-Prim Ministru qal li l-ekonomija Maltija mhux għaddejja bl-isteroids u t-tkabbir hu sostenibbli li ġej minn setturi varji, fosthom il-kostruzzjoni u s-suq tal-propjetà. Dr Muscat qal li l-Gvern jinsab determinat li t-tkabbir qawwi tal-aħħar snin jibqa’ sostnut għas-snin li ġejjin waqt li fakkar kif 1% tal-ekonomija Maltija fl-2013 kien ekwivalenti għal €70 miljun waqt li llum l-istess perċentwal hu d-doppju €140 miljun.

“L-għan tal-Gvern jibqa’ li kulħadd isir sinjur żgħir kif kien qal snin ilu l-ex Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier u biex dan isir jeħtieġ li l-Gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet li jsostnu t-tkabbir u fejn hemm bżonn iżżomm ir-riedni ta’ min ikun qed jabbuża kif għamel is-sajf li għadda meta waqqaf l-industrija wara sensiela ta’ inċidenti,” qal il-Prim Ministru.

B’referenza għar-rapport tal-KPMG dwar ix-xejriet fl-industrija tal-bini, Dr Muscat qal li ġie osservat li l-prezzijiet ta’ ċertu propjetà qed jimmoderaw u jistabilizzaw, li fil-fehma tiegħu qed isiru aktar realistiċi u jikkonfermaw li s-suq qed jimmodera lilu nnifsu.

Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li f’dan is-settur hemm ħafna sfidi, u l-isfida tal-Gvern hi li ma jibżax minn dawn l-isfidi. Dr Borg ilmenta mid-dewmien esaġerat biex tiġi riveduta policy partikolari bħal tal-pompi tal-petrol, u rrefera għall-isfida tal-iskart tal-kostruzzjoni, li ma jistax jerġa’ jintuża, li qal ilha ġejja s-snin, u issa jeħtieġ deċiżjonijiet kuraġġjużi, fosthom li tiġi kkunsidrata r-reklamazzjoni tal-art fil-baħar.

Dr Borg qal li kif fl-imgħoddi saru proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art fil-Marsa, l-Imsida u l-Port Ħieles, illum hemm ħafna iktar għodda moderna u teknoloġika biex jiġi żgurat li l-impatt ikun favur it-tisħiħ tal-ambjent u l-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin.

Il-Ministru Borg qal li biex il-pajjiż jibqa’ jattira l-bejgħ tal-propjetà, il-pajjiż irid jibqa’ sabiħ u semma kif l-ekonomija l-ħadra trid tkompli titla’ fuq l-aġenda, waqt li insista li l-Gvern irid jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex il-ġid li toħloq din l-industrija jibqa’ sostnut.

Iċ-Chairperon ta’ Property Malta, Sandro Chetcuti qal li l-industrija tal-bini hija l-aktar li tifrex ġid f’Malta tant li b’mod dirett jew indirett illum qed timpjega madwar 43,000 ħaddiem, żieda ta’ 9,000 ħaddiem meta mqabbel mal-2017.

Steve Stivala minn KPMG qal li r-rapport joħroġ li għax-xhur li ġejjin huwa importanti li kull min huwa involut fl-industrija jaġixxi b’mod kawt u bil-għaqal, waqt li rrefera għar-riforma tal-kera u l-miżuri tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar is-self li l-impatt tagħhom għadu mhux magħruf. Steve Stivala qal li mir-rapport joħroġ li l-valur miżjud li tħalli l-industrija tal-bini żdied minn €891 miljun fl-2015 għal €1,056 miljun fl-2018.

Fil-preżentazzjoni tar-riżultati li ħarġu mill-istudju, is-Sur Stivala qal li l-kontribut tal-industrija tal-kostruzzjoni fl-ekonomija Maltija żdied minn €2.36 biljun fl-2015 għal €2.94 biljun fl-2018. Spjega li fl-2018, il-prezz li kien qed jintalab għall-appartamenti f’Malta żdied b’16% u tal-maisonettes bi 17% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.