Edukazzjoni
L-operaturi tat-trasport tal-iskejjel żdiedu għal 50, iżda hemm bżonn iżjed

Il-lista ta’ operaturi li se jipprovdu s-servizz ta’ trasport lill-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti żdiedet għal kważi ħamsin operatur, iżda l-Ministeru għall-Edukazzjoni għadu qed jipprova jsib soluzzjoni għal xi studenti li għadhom mingħajr trasport.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, u xi xufiera qalu li hemm limitazzjonijiet kbar ta’ vetturi u xufiera biex l-iskema taħdem ħarir mill-ewwel.

F’inqas minn ġimgħa l-operaturi approvati li se joffru servizz ta’ trasport lill-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti kważi ttriplaw u minn tmintax is-Sibt li għadda, issa telgħu għal sebgħa u erbgħin.

Madankollu, bosta ġenituri qed jilmentaw li mhux isibu operaturi biex iwasslu lill-uliedhom l-iskola bla ħlas fi skema ffinanzjata mill-Gvern.

F’kummenti lil TVM, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li hu konxju ta’ din l-isfida u l-Ministeru qed jagħmel minn kollox biex jinstabu s-soluzzjonijiet. “Hemm rotot li ġew magħluqa, oħrajn li qed jingħalqu u oħrajn li qed nagħmlu minn kollox biex nagħmlu matching tal-ammont ta’ vetturi u provedituri mat-talba li hemm biex tgħaqqad flimkien lokalitajiet u skejjel differenti biex tara kif se tasal.”

Il-Ministru Bartolo fakkar li b’dan is-servizz ġdid, kuljum se jibdew jinġarru bejn għaxra u erbatax-il elf tifel u tifla li qabel x’aktarx kienu jmorru l-iskola bil-vetturi privati tal-ġenituri jew qraba. Qal li l-isfidi ewlenin jibqgħu n-numru limitat ta’ vetturi u n-nuqqas ta’ xufiera, xi ħaġa li kkonfermawha magħna żewġ xufiera.

“Naħseb is-sistema ġiet tajba, issa nisperaw li jkun hawn biżżejjed xufiera,” qal ix-xufier tal-minibuses Clint Portelli, li sostna li ma tantx issib nies li jixtiequ jagħmlu dan ix-xogħol li ddeskriva bħala wieħed stressanti.

“It-traffiku jekk ma jonqosx ma nafx kemm ħa jintlaħaq ix-xogħol u x-xufiera hux għax bħal ma dejjem kellna għax ma nsibux xufiera fil-vannijiet,” qal min-naħa tiegħu x-xufier Bradley Sammut.

“Meta għandek dawn il-fatturi kollha sintendi aktar sfida biex f’ċertu faxxa ta’ ħin iċċaqlaq lil dawn in-nies, qed ngħidha mhux bi skuża imma qed ngħidha bħala għarfien realistiku ta’ dak li qed nippruvaw nagħmlu,” spjega l-Ministru Bartolo.

Il-ħinijiet meta se jinġabru u jitwasslu t-tfal jridu jiġu negozjati bejn il-ġenituri u l-operaturi tat-trasport, iżda l-Ministru Bartolo qal li dawn iridu jkunu aċċettabbli u realistiċi.

Il-Ministeru qed jgħarraf lill-ġenituri li t-tfal iridu jużaw is-servizz għal mill-inqas 75% tas-sena, inkella jiġu penalizzati. Fakkar li b’din l-iskema l-ġenituri se jkunu qed jiffrankaw sa massimu ta’ €700 fis-sena.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Kruċjali għall-ħajja ta’ kulħadd…u għal Malta hu riżorsa prezzjuż daqs id-deheb! Hawnhekk qed nirreferu għall-ilma. Hu stmat li kull persuna f’Malta tuża mal-110 litri ta’ ilma kuljum. Il-pubbliku jista’ jitgħallem…

Pulizija

Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-Korp tal-Pulizija għandu jkollu strateġija ta’ trasformazzjoni. F’intervista estensiva mal-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija li tixxandar fil-programm DISSETT wara dan il-bulettin, is-Sur Gafa’ qal li d-direzzjoni tat-tiġdid ser isir…

Politika

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, akkuża lill-Partit Nazzjonalista li ma ppreżentax biżżejjed kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fi 23 lokalità f’Malta u f’Għawdex bl-għan li jiskoraġixxxi lin-nies milli…

Għawdex

Tnieda l-proġett għall-installazzjoni tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, bil-gvern iħabbar li l-proġett se jitwettaq minn kumpanija Taljana. Il-cable il-ġdid mistenni jsaħħaħ l-infrastruttura diġitali f’Għawdex u jżid il-potenzjal…

Aktar