Politika
“L-Oppożizzjoni inkonsistenti anke dwar l-istituzzjonijiet” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tittieħed bis-serjetà għax hija inkonsistenti anke meta titkellem fuq l-istituzzjonijiet. Semma’ kif l-Oppożizzjoni fi ftit ġimgħat bidlet il-pożizzjoni tagħha meta irtirat ir-rappreżentanti tagħha minn żewġ awtoritajiet u kif l-Oppożizzjoni tfaħħar lill-Qrati meta jiddeċiedu favur tagħha u tikkritikom meta jiddeċiedu kontra tagħha.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni m’għandhiex idea ta’ xi tfisser konsistenza anke meta titkellem dwar l-istituzzjonijiet għaliex tqabbel fejn jaqblilha.

F’kollegament fuq One Radio, Dr Muscat qal waqt li l-Oppożizzjoni li tgħid li l-istituzzjonijiet huma maħtufa mill-Gvern irtirat ir-rappreżentanza tagħha minn żewġ awtoritajiet fejn għandha r-responsabiltà li żżomm il-Gvern responsabbli minkejja li ftit jiem qabel id-Deputat tal-Oppożizzjoni stess qal li din ir-rappreżentanza hija importanti għat-trasparenza u l-kontabiltà.

Il-Prim Ministru qal li dal-Gvern ma baqax jinnomina direttament il-membri tal-ġudikatura u minflok twaqqfet Kummissjoni b’rappreżentanti ta’ awtoritajiet indipendenti li tagħti l-pariri dwar dawn il-ħatriet u l-Gvern dejjem mexxa magħhom. Dr Muscat qal li l-Oppożizzjoni hija kontradittorja għaliex tikkritika l-qrati meta ma jkunux favurija mbagħad tfaħħarhom meta jieħdu deċiżjonijiet favuriha.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa l-iżjed gvern li wettaq riformi f’liġijiet u qal li l-kritika li ssir għal-liġijiet li ilhom fis-seħħ minn żmien l-Indipendenza. Dr Muscat qal li l-Gvern mhux superv li lest li jkompli jagħmel aktar riformi fil-liġijiet fejn meħtieġ.

Dwar it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li qed tipproġetta li Malta se jkollha l-ogħla rata ta’ tkabbir fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li dan juri li l-pjan ekonomiku tal-Gvern qed jirnexxi. Qal li l-Gvern ser ikompli jaħdem biex jitkattar ix-xogħol, li x-xogħol li jħallas iktar biex jinqered il-faqar fosthom b’żieda fil-pensjonijiet. Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed inaqqas l-inugwaljanza soċjali bi proġetti ta’ investiment anke mill-privat fil-Kottonera u f’Għawdex. Dr Muscat semma’ kif il-Gvern qed jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni bi ftehimiet ma’ tliet gvernijiet li dil-ġimgħa ħadu gruppi ta’ immigranti minn Malta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Sebgħa u disgħin fil-mija tal-każijiet li investiga l-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2018 ngħalqu. Is-Segretarju Permanenti Ewrlien, Mario Cutajar qal li dawn iċ-ċifri juru bl-aktar mod ċar l-importanza li l-Amministrazzjoni Pubblika tagħti lill-Uffiċċju…

Qorti

Sean Grech ta’ 29 sena minn Bormla baqa’ arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’serq aggravat minn dar ta’ anzjan f’Bormla. L-anzjan ta’ 71 sena sofra ksur f’imnieħru. Fil-Qorti ntqal…

Politika

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li se jinforma lill-Parlament u joqgħod għall-iskrutinju tad-deputati dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-istħarriġ fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fil-mument opportun. Dr Muscat stqarr li…

Aktar