L-Oppożizzjoni ma tilqax it-talba biex taħtar eks-ġudikant tal-fiduċja tagħha fuq bord ta’ inkjesta

Tliet kwarti qabel skada l-ħin biex iwieġeb illejla, il-Partit Nazzjonalista ppubblika l-ittra li kiteb Dr Simon Busuttil lill-Prim Ministru Muscat u li fiha ma laqax it-talba ta’ Dr Joseph Muscat li tagħżel eks ġudikant tal-fiduċja tagħha biex jippresiedi l-bord ta’ inkjesta dwar il-każ tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Mallia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma hemm ebda bżonn ta’ inkjesti biex il-Ministru jerfa’ r-responsabbilità politika għal dak li seħħ. Dr Busuttil qal li la darba nħatret din l-inkjesta sabiex il-Ministru Mallia stess jiġi investigat, din hija ammissjoni li l-pożiżżjoni tiegħu m’għadhiex tennibbli. Jekk ma jitneħħiex, qal Dr Busuttil, il-Gvern se jkollu fil-kabinett tiegħu Ministru li jkun taħt investigazzjoni.

Dr Busuttil qal li huwa xokkanti kif wara erbat ijiem li seħħ l-inċident ix-xufier tal-Ministru għadu ma tressaqx il-Qorti.

Temm jgħid li l-konklużjoni loġika u inevitabbli hija li l-Ministru Mallia għandu jitneħħa.

Ara l-ittra li l-Kap tal-Oppożizzjoni bagħat illejla lill-Prim Ministru: Twegiba lill-Prim Ministru dwar Manwel Mallia