Politika
L-Oppożizzjoni m’attendietx il-laqgħa tal-PAC tal-lum għax ma rat ebda urġenza

Il-PN spjega għaliex l-Oppożizzjoni ħasset li ma kelliex tattendi għal laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (PAC) tal-lum.

Dan għax ma setgħet tara ebda raġuni valida għalfejn din il-laqgħa kellha tissejjaħ qabel ma jerġa jiltaqa’ l-Parlament fl-4 ta’ Ottubru.

Fi stqarrija maħruġa mill-PN ntqal li l-Viċi Kap tal-Partit għall-Affarijiet Parlamentari, David Agius, bagħat messaġġ qabel il-laqgħa tal-lum u osserva li ma jarax l-urġenza li din il-laqgħa għandha issir f’din id-data.

Dan hekk kif daqstant ieħor il-membri tal-Gvern ma ħassewx li kellhom isiru laqgħat oħra ta’ kumitati parlamentari oħra waqt li l-Parlament kien qiegħed f’waqfa sal-4 t’Ottubru 2021.

Il-PN sostna li peress li l-Gvern baqa’ għaddej xorta waħda b’din il-laqgħa, l-Oppożizzjoni ħasset li ma kellix tattendi għall-istess laqgħa.