Partit Nazzjonalista
L-Oppożizzjoni se titlob biex id-direct orders għat-tindif f’San Vinċenz jiġu investigati – Adrian Delia, il-Gvern jirreaġixxi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se titlob biex id-direct orders għat-tindif f’San Vinċenz jiġu investigati. Dwar it-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia, Dr Delia tenna li l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li jsir negozju għas-skapitu tal-poplu Malti. Tenna wkoll li Gvern Nazzjonalista jrodd lura lill-familji l-flus kollha li qal nsterqulhom mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Intervistat fuq NetFm, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga s-sensiela ta’ direct orders li ngħataw lill-istess kunrattur għat-tindif fir-residenza San Vinċenz de Paule. Huwa qal li dawn ma sarux fl-aħjar interess tal-poplu u lanqas ma saru fl-aħjar interess ta’ negozji oħra meta ma kienx hemm sejħa għall-offerti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kumpanija waħda li kellha toffri s-servizz tat-tindif għal ftit xhur, spiċċat ingħatat €9 miljun fi tliet snin. Qal li l-Oppożizzjoni fejn issir illegalità u abbuż trid li tittieħed azzjoni u mhux biss titkellem dwarhom.

Dwar it-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia fuq ir-riħ tal-bajja ta’ San Ġorġ, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tagħmel skrutinju kontinwu biex ikollna ċ-ċertezza li kollox isir bit-trasparenza. Dr Delia qal li huwa mhuwiex kontra l-parti turistika tal-proġett, iżda kontra l-ispekulazzjoni ta’ medda art pubblika ta’ 30,000 metru kwadru li l-gvern, tingħata bil-prezz ta’ €51 miljun biss. Dr Delia qal li dan kien ser ikun rigal b’xejn mill-gvern lill-kumpanija waħda. Qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li jsir negozju għas-skapitu tal-poplu Malti, kif qal li ġara fil-kaz tal-għoti tat-tliet sptarijiet lill-Vitals.

Huwa qal li bl-istess mod li l-familji qed jinsterqu mill-art pubblika, qed jinsterqu wkoll b’kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u iktar spissi. Qal li dan ġie konfermat mill-Qorti, li ma laqgħetx l-argumenti preliminari li ppreżentaw l-avukati tal-ARMS dwar il-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet. Dr Delia qal li fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex is-serq fil-kontijiet jispiċċa u jekk il-Gvern mhux lest jagħmel dan, Gvern Nazzjonalista jrodd lura lill-familji l-flus kollha li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

F’reazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar kuntratti b’direct order għat-tindif f’San Vinċenz u fi stqarrija qal li m’għandux problemi li l-Awditur Ġenerali jistħarreġ l-allegazzjonijiet. Intqal li s-Segretarju Parlamentari qatt ma ta direct order, qatt ma kien involut fil-proċess biex jingħata xi kuntratt partikolari u lanqas għandu awtorità li jagħti kuntratti jew direct orders. Ingħad li l-proċess huwa wieħed kompletament trasparenti u skont proċeduri stabbiliti. Is-Segretarjat Parlamentari akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li qed juża s-servizzi tal-anzjani għall-politika partiġjana.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar