Lokali
AĠĠORNAT: Il-Gvern jgħid li hija l-Oppożizzjoni li m’għandhiex pjan għas-saħħa wara kritika li saret minn Dr Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern abbanduna għalkollox is-settur tas-saħħa mentali. F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar Monte Carmeli, Dr Delia qal li l-Gvern moħħu biex jaħtar kapijiet eżekuttivi biex jaqdi obbligazzjonijiet politiċi mingħajr ma jindirizza l-problemi serji f’Monte Karmeli, fejn jiġu kkurati l-iktar nies vulnerabbli.

Huwa kkritika lid-deputat Prim Ministru Chris Fearne u qal li s-soluzzjoni li sab għal problemi ta’ dan l-isptar kienet li jagħmel pjan ta’ għaxar snin flok jieħu azzjoni mmedjata kif hemm bżonn.

Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan għas-saħħa mentali fosthom li jipprovdi għal iktar kura fil-komunità biex tkompli tinqered l-istigma li jsofru l-pazjenti.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-saħħa mentali Mario Galea qal li bħala klijent tas-saħħa mentali ilu s-snin jisħaq li l-mard mentali se jkompli jiżdied, kif qed twissi wkoll l-għaqda dinija tas-saħħa.

Il-Kelliem Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jagħlaq għajnejh għan-nies vulnerabbli tas-saħħa mentali li qegħdin isofru.

Ir-reazzjoni tal-Gvern

B’reazzjoni, l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni qed turi li m’għandhiex pjan fil-qasam tas-saħħa u saħansitra qed tikkritika lill-Gvern li għandu pjan u viżjoni għall-ġejjieni.

Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru jingħad li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jidher li ma kienx jaf li fl-2014 tnediet l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa għall-2014-2020 u li bħalissa qegħdin eżatt f’nofsha.

Intqal ukoll li l-Ministeru għas-Saħħa se jkun qiegħed jaħdem fuq pjan ġdid għall-10 snin ta’ wara flimkien mal-Queen Mary University – istituzzjoni rinomata li diġa għandha preżenza f’Malta permess ta’ Barts Medical School.