AĠĠORNAT: Il-Gvern jgħid li l-kuntratti huma pubbliċi

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-kuntratti li semmiet l-Oppożizzjoni huma pubbliċi. L-istqarrija tgħid li huwa evidenti li l-Oppożizzjoni m’aċċettatx il-fatt li l-Gvern ġibed lejn il-pajjiż l-akbar investiment barrani ta’ €320 miljun fis-settur tal-enerġija.

F’konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Drittijiet taċ-Ċittadin u d-Demokrazija Jason Azzopardi semma liema huma dawn il-kuntratti:

  • Kuntratt li permezz tiegħu, d-Dipartiment tal-Artijiet xtara mingħand Vault Finance Ltd. il-Marsa Power Station
  • Ftehim privat bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-Enemalta, li permezz tiegħu, l-Enemalta ngħatat 310,000 metru kwadru ta’ artijiet tal-Gvern għall-installazzjoni ta’ PVs għal 25 sena
  • Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 25 sena l-art tal-Powerstation f’Marsaxlokk
  • Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 99 sena għall-Powerstation fil-Marsa
  • Kuntratt ta’ ċens temporanju mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta għal 65 sena li beda jgħodd mill-2004 ta’ diversi siti f’Ħal Għaxaq
  • 3 kuntratti li emendaw kuntratti ta’ ċnus preċedenti biex l-Enemalta tkun tista’ tiddisponi mill-proprjetajiet mgħotija lilha
  • Kuntratt ta’ bejgħ mingħand il-Petromal Company Ltd. lil Enemed Company Ltd. tas-siti f’Ħas Saptan, Ħal Għaxaq u t-Terminal ta’ Marsaxlokk
  • Kuntratt bejn l-Enemalta u D3 Power Generation Limited, ta’ ċens temporanju tal-Powerstation tal-BWSC
  • Kuntratt ta’ kera mingħand l-Enemalta lill-Electrogas għall-bini tal-Powerstation tal-gass f’Marsaxlokk għal 22 sena li jista’ jiġġeded għal 34 sena

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li għal xi raġuni jew oħra, l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħżel li jżomm dawn il-kuntratti moħbija.

Intant fi stqarrija separata mix-Shadow Ministers tal-Enerġija u tal-Ekonomija Marthese Portelli u Claudio Grech, intqal li waqt li l-gvern b’wieħed minn dawn il-kuntratti ta’ art lix-Shanghai Electric Power għall-valur ta’ 50 ċentezmu kull metru kwadru għal proġett tal-panelli fotovoltajċi, l-istess gvern talab lill-investituri Maltin €3.35 l-metru kwadru biex jikri l-bjut tal-oqsma industrijali għal proġetti simili. Il-kelliema nazzjonalisti qalu li din id-deċizzjoni hija diskriminatorja u m’għandiex tiġi aċċettata.

B’reazzjoni l-Gvern qal li dawn huma kuntratti pubbliċi. Fisser fost oħrajn kif il-ftehim ma’ Vault Finance Ltd. dwar is-sit tal-powerstation tal-Marsa sar skont it-termini maqbula fl-2012. Qal li dan sar biex setgħet titwaqqaf l-Enemalta plc. minflok il-Korporazzjoni Enemalta.

Il-Gvern spjega wkoll li d-dettalji dwar it-twaqqif tal-Enemed li ħadet f’idejha s-siti f’Ħas Saptan, Ħal Għaxaq u t-Terminal ta’ Marsaxlokk ġew spjegati anki fil-Parlament.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-pjan tal-Gvern għall-enerġija qed jagħti r-riżultati u tfaħħar ukoll mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali fosthom Standard and Poors li saħansitra għolliet il-credit rating tal-Enemalta.