Politika
L-Oppożizzjoni titlob diskussjoni dwar ir-rapport tal-electrogas

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech talab lill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali li tlesta sentejn ilu dwar il-powerstation tal-electrogas f’Dellimara.

Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista diġà ressaq mozzjoni fil-Parlament biex ikun diskuss il-proġett tal-electrogas iżda qal li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx li toħroġ il-verità u ġiegħel lill-Membri Parlamentari Laburisti jivvutaw kontrieha.

Dr Grech qal li dan il-kuntratt għadu sigriet wara sentejn li tlesta iżda l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali tefgħat dawl li hemm irregolaritajiet li qal huma serji. Dr Grech sostna li l-poplu Malti għandu jkun jaf il-verità.

Iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubblici Beppe Fenech Adami qal li 5 snin ilu kien il-Partit Nazzjonalista stess li talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt tal-proġett li sejjaħlu ivvizzjat u korrott għax qed jisraq għexieren ta’ miljuni fis-sena mill-but tal-poplu.