L-Oppożizzjoni titlob investigazzjoni dwar l-eżamijiet tal-Matematika u l-Fiżika

Il-Partit Nazzjonalista talab li ssir investigazzjoni dwar l-eżamijiet tal-Matematika u l-Fiżika tal-MATSEC wara li ċertu mistoqsijiet ingħad li ma kinux fis-sillabu tas-suġġett u għalhekk l-istudenti ma kinux imħejjija biex iweġbuhom.

Fi stqarrija, is-Shadow Minister tal-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet li l-Oppożizzjoni tistenna li l-awtoritajiet u l-Bord tal-MATSEC b’mod immedjat jinvestigaw x’ġara u jieħdu r-rimedji neċessarji biex l-istudenti ssir ġustizzja magħhom u ma jisfawx vittmi ta’ żbalji ta’ ħaddieħor.

L-Oppożizzjoni qalet li l-istudenti u l-ġenituri għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miżuri li se jieħu l-Bord tal-MATSEC biex jiġi indirizzat dan l-iżball fil-karta tal-eżami.