L-Oppożizzjoni u l-Gvern jgħidu tagħhom dwar aktar nisa fil-Parlament

Fil-preżent qed tiġi diskussa liġi biex tindirizza n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti. Dan għaliex is-sess femminili fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mhuwiex qiegħed jiġi rappreżentat b’mod ugwali. Din il-liġi qed tqajjem mistoqsijiet u opinjonijiet varji. Hemm min jaqbel u hemm min le, inklużi nisa stess. Popolin iddiskuta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar spjegat li n-nuqqas ta’ rappreżentanza femminili fl-ogħla istituzzjonijiet hija sfida globali u mhux biss f’pajjiżna. Għal dawn l-aħħar tlieta u sebgħin sena ta’ Parlament Malti, r-rappreżentanza tan-nisa kienet kostantement baxxa; ta’ inqas minn tlettax fil-mija. Għalhekk ġie maħtur kumitat tekniku biex tinsab soluzzjoni għal din l-isfida. Minn naħa tagħha Claudette Buttigieg kelliema għall-Oppożizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadin qablet mal-fatt li għandu bżonn isir xi ħaġa biex din l-isfida tiġi indirizzata biss bħala oppożizzjoni jemmnu li din il-liġi waħidha mhux is-soluzzjoni.  Ħafna huma n-nies li jtennu li kandidat għandu jkun elett fil-parlament jekk il-poplu jagħżlu u mhux permezz ta’ mekkaniżmi oħra, irrispettivament jekk hux mara jew raġel. Buttigieg spjegat li huwa essenzjali li bħala pajjiż ikollna għażla iktar wiesgħa ta’ nisa li jixtiequ jkunu parti mill-Parlament Malti.

Mistoqsija mill-preżentatur għal liema raġuni ma ssirx miżura fost il-partiti biex iħajjru iktar nisa jikkandidaw ruħhom mal-istess partiti minflok jiġu mposti numru ta’ nisa fil-Parlament, Cutajar spjegat li l-Partit Laburista qiegħed joħloq inċentivi biex iħajjar iktar nisa jidħlu fix-xena politika fosthom it-taħriġ. Żiedet tgħid lin-nisa li se jkunu eletti b’dan il-mekkaniżmu ma għandhomx ikunu kunsidrati bħala tat-tieni klassi.

Mistoqsi mill-preżentatur kemm huma konvinti li dan il-mekkaniżmu se jkun forma ta’ miżura temporanja biex tiġi inċentivata r-rappreżentanza  femminili fil-Parlament Malti, Buttigieg spjegat li din il-liġi se jkollha l-hekk imsejħa ‘sunset clause’ li tfisser li se topera biss għall-massimu ta’ għoxrin sena li jfissru erba’ elezzjonijiet għalhekk il-liġi stess tindika li se tkun fis-seħħ temporanjament.

Cutajar u Buttigieg qablu fuq il-fatt li din il-liġi għandha tidħol fis-seħħ biex ir-rappreżentanza fil-Parlament tirrifletti r-rappreżentanza attwali tas-soċjetà Maltija għalhekk mhux qed issir għal skopijiet matematiċi.