L-opra dwar ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mewt fit-Teatru Manoel

Fiż-żwieġ il-koppja twiegħed lil tibqa’ ta’ xulxin sakemm il-mewt tifridhom iżda l-imħabba ta’ Orphée u Eurydice, tmur lil hinn mill-mewt. L-opra mill-pinna tal-kompożitur Christoph Willibald Gluck hija bbażata fuq il-leġġenda fil-mitoloġija ta’ Orphée, mużiċist u poeta li għandu l-abilità li jaffaxxina kull ħlejqa anki l-ġebel bil-mużika tiegħu.

tvm.com.mt segwa l-aħħar provi qabel nhar l-Erbgħa tiftaħ din l-esperjenza li mistennija timpressjona viżwalment minn diversi aspetti fosthom id-disinn tas-sett, il-kostumi u mużika mill-isbaħ imma fuq kollox bi storja mqanqla dwar il-kunċett li minn dejjem saħħar lill-bniedem – dak li iġġib il-mejtin lura għall-ħajja.

Opra transizzjonali bejn il-barokk u l-klassiċiżmu b’tema mitoloġika, li tiftaħ bl-arpista Orphèe jibki fuq il-qabar ta’ martu Eurydice u jitlob lill-Allat sabiex jerġgħu jagħtuha l-ħajja. L-opra titratta l-vjaġġ li jagħmel Orphèe minn din id-dinja għad-dinja tal-mejtin biex iġib lura lil martu.

“Ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mewt. Hija storja immortali u storja li għandha messaġġ anki għan-nies tallum, hija romantika ħafna,” qal id-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona.

Għall-ewwel darba f’Malta fit-Teatru Manoel, il-mezzo soprani Hadar Halevy u Lucia Cirillo se jaqsmu bejniethom il-parti maskili ta’ Orphèe. Is-sopran Maltija Gillian Zammit se tagħmel il-parti ta’ Eurydice u Francesca Aquilina il-parti tal-Alla Amour. Bi rwol importanti f’din l-opra huwa il-kor taħt id-direzzjoni ta’ Geoff Thomas. Jispjega li permezz tal-kor mhux biss mill-kant iżda wkoll mill-kostumi u l-movimenti tagħhom, l-udjenza tkun tista’ ssegwi f’liema spazju qiegħda.

“For example in the first act you’ll notice they are all at the funeral. They are all in very somber black dresses and singing in a very somber funerial style. The second act, they’re in hell, and all the furies from there, you’ll notice their costumes they are all dishevelled and torn and their singing is really quite vigorous and and quite vicous at times. And then in the final act we’re in heaven and here they are in more diaphanous, floating costumes, and their singing reflects that heavenly,” spjega l-Chorus Master Geoff Thomas.

L-opra kienet saret għall-ewwel darba fi Vjenna fl-1762 u biha Gluck ipprova jbiddel l-oskurità tal-plot f’mużika kumplessa bħal ma hi l-opra, f”sempliċità nobbli’ kemm f’dik li hija mużika kif ukoll fid-drama. Din l-opra hija l-iktar waħda popolari mix-xogħlijiet ta’ Gluck li se tkun qed tinterpreta l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Philip Walsh.

“It’s a baroque opera but it was update in the 19th century by Hector Berloiz. So we have this mish mash of styles, which creates an amazing atmosphere for the music and for the story and the drama of this journey of Orphee into hell,” qal Philip Walsh.

Bis-sehem ta’ żeffiena minn ŻfinMalta Dance Ensemble, l-opra bil-Franċiż u bis-surtitli bl-Ingliż qed issir taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland. Ir-rapreżentazzjonijiet se jsiru l-Erbgħa 16, il-Ħamis 17, is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 ta’ Marzu 2016 fit-8p.m.