Waqt il-Kafé
L-opra “sfortunata” fid-daħla tal-Belt – it-Teatru Rjal

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Niftakar minn tfuliti, meta konna nidħlu l-Belt, dejjem kienu jirreferu għal post fuq il-lemin bħala t-Teatru Rjal. Domt ma fhimt li dak il-post imġarraf xi darba kien teatru u għalkemm ma baqax teatru, xorta baqgħu isibuh hekk. Għalija kien biss it-taraġ minn fejn man-nanna Luret konna naraw l-isfilata tal-karnival iddur darbtejn mal-Belt.

It-tifkira tat-Teatru Rjal tibqa’ marbuta mal-istorja tat-teatru fil-Belt Valletta. Ta’ min jinnota li inqas minn 70 sena wara li tqegħdet l-ewwel ġebla, il-Kavallieri ta’ San Ġwann bdew jibnu t-Teatru Manoel, imsemmi għall-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Dak kien l-ewwel teatru fil-Belt Valletta.

Fil-bidu tiegħu, il-Manoel kien magħruf bħala Teatro Pubblico, u wara bħala Teatro Reale, sakemm dan l-isem ittieħed mit-Teatru Rjal ta’ Strada Rjali; it-teatru li ma ħax l-isem biss lit-Teatru Manoel, iżda ħadlu wkoll il-popolarità.

It-Teatru Rjal beda jinbena 1862 u kien inawgurat fl-1866. Jingħad li hemm xebħ kbir bejn dan it-teatru u Covent Garden ta’ Londra. Forsi r-raġuni hi li l-perit taż-żewġ proġetti kien l-istess wieħed: Edward Middleton Barry.

Iżda seba’ snin biss wara, dan it-teatru inħakem min-nirien li kważi qerduh għal kollox. It-teatru reġa’ nbena mill-ġdid u kien inawgurat fl-1877 bl-opra Aida ta’ Giuseppe Verdi.

Imma donnu dan it-teatru ma kellux wisq xorti, għaliex fl-1942, waqt it-tieni gwerra dinjija, it teatru safa bbumbardjat u meqrud mill-attakki tal-ajru.

Jingħad li fl-1946 il priġunieri Ġermanizi offrew li jerġgħu jibnu t-teatru bi ħlas normali iżda l-Gvern ta’ dak iż-żmien irrifjuta minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u prioritajiet aktar soċjalment utli. U t-teatru baqa’ mġarraf, użawh bħala parkeġġ għall-karozzi u baqa’ għal snin twal ġerħa nazzjonali, propju fid-dħul ewlieni tal-belt kapitali tagħna.

Fis-seklu l-ġdid, il-fdalijiet tat-teatru saru parti mill-proġett ta’ Bieb il-Belt. Sar wieħed mill-proġetti li ddisinnja l-perit Renzo Piano, disinn kontroversjali minħabba li tfassal mingħajr saqaf, iżda bħala pjazza li fiha, meta t-temp jippermetti, tista’ tintuża bħala teatru mikxuf.

Hawn min jogħġbu u hawn min le. Maż-żmien wera li minbarra d-diffikultajiet bħall-elementi naturali u allura n-nuqqas ta’ użu tiegħu f’ħafna xhur matul is-sena, għandu żvantaġġi oħrajn specjalment minħabba li jinsab bieb u għatba mal-Parlament.

Niftakar mument meta jumejn qabel attivita kbira fih, provi ma setgħux isiru għax il-ħoss ifixkel is-seduti tal-Parlament.

Imma insomma, l-istruttura żgur ġiet aħjar mill-borġ ġebel se jaqa’ u ma jaqax li kellna għal xi sebgħin sena. Jonqsu biss saqaf, forsi xi darba…

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar