Kultura
L-opra ta’ Giuseppe Calì fix-Xagħra terġa’ tieħu r-ruħ

Kull min f’dawn il-ġranet iżur il-knisja bażilika tax-Xagħra Għawdex għall-festa tal-Vitorja jista’ jammira pitturi – fis-saqaf tal-kor u l-arzella – li ġew restawrati. Dan hu wirt li din il-parroċċa għandha ta’ żewġ artisti kbar: Giuseppe Calì u Virginio Monti.

Kważi mitt sena wara li Giuseppe Calì pitter l-arzella tal-bażilika tax-Xagħra, il-parroċċa rrestawratha fi proġett li għalih kisbet fondi mill-Unjoni Ewropea. Ix-xogħol sar fl-ewwel nofs ta’ din is-sena mill-kumpanija Atelier del Restauro. Il-pittura hi rappreżentazzjoni tal-glorja tat-twelid tal-Madonna, it-titular ta’ din il-parroċċa. Studju li sar fuq l-arzella wera li l-pittura ta’ Calì kienet twaħħlet fuq oħra tal-artist Giovanni Galluci li saret mat-tletin sena qabel. Maż-żmien il-kolla bdiet iċċedi u partijiet kbar mill-pittura bdew jinqalgħu, bl-ewwel sfida kienet tinvolvi li l-pittura titwaħħal tajjeb.

Apparti l-arzella tal-bażilika, il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr laħaq is-saqaf kollu tal-kor fejn hemm xogħol tal-pittur Taljan Virginio Monti li juri t-tlugħ fis-sema tal-Madonna. Il-pitturi tnaddfu minn għabra u ħmieġ li ingemgha fuqhom fosthom min-nugrufun tax-xemgħa li skura l-kuluri oriġinali. Sar intervent ukoll biex neħħa irtokki li saru fuq l-orġinali ta’ Cali u Monti minn restawraturi fil-passat li saħansitra jidher li pittru fuq li kien hemm.

Għar-restawratriċi Valentina Lupo, kien ta’ privileġġ jaħdmu fuq xogħlijiet ta’ żewġ artisti importanti tal-bidu tas-seklu l-ieħor, u magħhom il-konservazzjoni tal-iskultura u d-dekorazzjoni kollha li tagħmel parti mill-arzella u l-pittura fis-saqaf tal-kor.

“L-intervent ta’ konservazzjoni u restawr ippermetta li nerġgħu naraw il-kuluri oriġinali, kemm ta’ Giuseppe Calì li huma kuluri vibranti ħafna, f’ċerti partijiet tal-pittura bħal fejn hemm il-fjuri/il-ward, sibna li l-Calì uża t-teknika tal-impasto, fejn uża wkoll żebgha li tidher imqabbża ‘il barra u mill-bogħod ma tistax titgawda. Sibna wkoll il-firma, kien hemm ukoll il-firma ta’ Virginio Monti.”

L-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Carmelo Refalo, qal li dan ix-xogħol hu parti mill-impenn tal-parroċċa li tħares l-opri kbar ta’ arti li għandha. “It-teknika, ix-xogħol u l-professjonalità li bih sar ir-restawr qed jagħtu aktar garanzija biex dawn l-opri jinqraw u jwasslu l-messaġġ li għalihom tpoġġew, għaliex l-arti, il-pittura, l-iskultura li nsibu fil-knejjes tagħna m’għandhiex għajr il-messaġġ tas-sbuħija, it-triq tas-sbuħija. Il-bqija, il-qalb u l-moħħ tal-bniedem jintrefgħu lejn dak li hu sabiħ.”

Semma li r-restawr tal-pitturi fis-saqaf tal-kor jorbot ma’ kullana ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin fil-Bażilika tax-Xagħra, fosthom ir-restawr tal-koppla, in-navi u l-koppletti. F’dawn il-ġranet, din il-knisja li fiha jispikka l-irħam u għadd ta’ dekorazzjonijiet artistiċi, tinsab imlibbsa fl-isbaħ armar għall-festa titulari ta’ Maria Bambina ċċelebrata l-Ħadd li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar