Lokali
L-organizzaturi ta’ avvenimenti mħeġġa juru kuxjenza ambjentali waqt il-Valletta 2018

Titnieda l-ewwel policy nazzjonali għas-sostenibilità ambjentali għall-avvenimenti li jittellgħu f’Malta.  Din il-policy se tkompri l-avvenimenti kollha li se jiġu organizzati matul din is-sena meta l-Belt hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.  L-għan huwa li tiggwida lill-kollaboraturi f’dan il-qasam biex ikollhom kuxjenza ambjentali.

Fi stqarrija, maħruġa mill-Fondazzjoni Valletta 2018 jingħad li l-policy ġiet żviluppata mal-konsulenti dwar is-sostenibilità Global Green Events.  Producers tal-avvenimenti għaddew minn taħriġ dwar is-sostenibilità, filwaqt li saru wkoll sessjonijiet individwali biex jinkoraġixxu lill-organizzaturi josservaw din il-policy meta jkunu qed itellgħu l-avvenimenti tagħhom.

Fost l-aspetti ambjentali li hemm f’din il-policy nsibu l-użu ta’ water dispensers jew filters minflok fliexken tal-ilma, filwaqt li qed ikun imħeġġeġ l-użu ta’ oġġetti li jistgħu jiġu riċiklati flok il-plastik jew il-jablo.  Fl-istqarrija jingħad li l-policy qed toffri sfida lir-regoli tal-avvenimenti li jiġu organizzati f’Malta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tiffoka li tħalli legat lil hinn mill-2018 u tkun katalista tal-bidla kemm fl-infrastruttura kif ukoll fl-imġieba tal-belt u lil hinn minnha.

Il-Fondazzjoni qed tittama li b’din il-policy jitħajru iktar entitajiet isegwu dawn ir-regoli għal futur iktar sostenibbli.  Il-policy sħiħa tista’ ssibha hawnhekk: http://valletta2018.org/policies/ jew 1.-Event-Sustainability-Policy-Branding; 2.-In-House-Sustainability-Policy-Branding.