Kultura
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tħassar il-kunċerti iżda tibqa’ twassal il-mużika

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kellha taddatta wkoll għar-realtajiet ġodda imposti mill-Covid-19.

Minkejja li kellhom jitħassru għadd ta’ kunċerti, fosthom “Strings in Spring”, bis-sehem tal-vjolinista ċelebri, Carmine Lauri, il-mużiċisti xorta se jwasslu l-mużika klassika fid-djar tan-nies.

Il-pandemija tal-Covid-19 ma sfrattatx biss ir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, iżda rvinat il-kalendarju kulturali, tal-anqas sas-Sajf.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kellha tħassar il-kunċerti li kienu skedati sat-tletin ta’ April bil-possibiltà li din id-data tkun imġedda.

Ic-Chairman tal-orkestra, Sigmund Mifsud, qal li l-orkestra qed taġġusta b’diversi modi biex tkompli twassal il-mużika klassika fid-djar tan-nies.

“kif qed jagħmlu orkestri fid-dinja, qed naraw kif aħna nwasslu l-prodott tagħna b’medium differenti, social media, internet, qed naraw kif naġġornaw ruħna b’ċertu programmi li hemm kif il-mużiċisti jistgħu jiftehmu fuq siltiet mużikali.”

Biex jirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, l-orkestra filarmonika ta’ Malta nediet l il-video mużikali Ċapċip… minn Qalbna, b’kompożizzjoni tal-lead percussionist, Daniel Cauchi.

“L-orkestra s-soltu dejjem tesegwixxi għall-pubbliku u l-pubbliku jtina ċ-ċapċip, u aħna ridna nosservaw is-sitwazzjoni, napprezzaw dak ix-xogħol kullu siewi li qed jagħmlu dawn in-nies li qed jissograw ħajjithom.”

Ix-xahar li għadda, permezz tal- Facebook, bdew jiġu mwieġba domandi dwar il-mużika klassika. Is-serje bil-Malti u bis-sotto titoli bl-Ingliż, kull nhar ta’ Ħamis, tesplora temi marbuta mal-mużika klassika.

Kull nhar ta’ Tlieta, il-paġna tal-Facebook tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qed twassal lill-udjenzi partijiet mill-kunċerti li għamlet filwaqt li l-Ħdud huma riservati għall-biografiji dwar uħud mill-mużiċisti pijunieri tal-orkestra.

Il-vjolinista Carmine Lauri huwa wieħed mill-iprem mużiċisti Maltin u serva bħala l-co-leader tal-orkestra sinfonika ta’ Londra. Lauri kellu jħassar kunċert skedat għal April, Strings in Spring, mal-orkestra filarmonika ta’ Malta. Minflok, se jagħti serje ta’ kunċerti kull nhar ta’ Sibt, fuq il-pjattaformi diġitali tal-orkestra. Huwa se jkun akkumpanjat mill-pjanist Simon Hester.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Malti li jgħix l-Istati Uniti fl-aħħar sigħat esperjenza mill-qrib il-vjolenza u l-protesti li qed isiru f’diversi ibliet Amerikani wara l-qtil tal-Afro Amerikan George Floyd. Joseph Vassallo li ilu jgħix f’Santa…

COVID-19

Konsulent ewlieni tal-ġenetika jemmen li fi żmien ġimagħtejn oħra l-coronavirus jekk nibqgħu attenti jaf jisparixxi minn Malta. Il-Professur Christian Scerri qal li issa li se jitneħħew aktar miżuri restrittivi, importanti…

Pulizija

Iż-żgħażagħ Andre’ Mifsud u Kelsey Bugeja huma fost is-sitta u erbgħin rekluta li bdew taħriġ intensiv fl-akkademja tal-forzi dixxiplinati biex iservu bħala kuntistabbli. Oħrajn se jingħataw iċ-ċans japplikaw f’sejħa li…

COVID-19

Lura għan-normalità, iżda fadal xi ftit miżuri li se jibqgħu fis-seħħ fosthom il-limitazzjonijiet fl-operat tad-diskoteki li huma l-kalamita speċjalment għal ġenerazzjoni żagħżugħa. Organizzaturi ta’ festini mfittxija minn eluf f’Malta qalu…

Aktar