Lokali
“L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta teħtieġ li jkollha l-post tagħha biex tkompli tikber”

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għandha triq għat-telgħa kull meta ddoqq fil-pubbliku lokalment. It-Teatru Manoel hu żgħir wisq għal ċerti xogħlijiet li jeħtieġu l-membri kollha tal-orkestra, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-akustika mhix adekwata għal xogħlijiet sinfoniċi u Pjazza Teatru Rjal mhix adekwata għall-orkestra minħabba li hija miftuħa u esposta għal kull xorta ta’ storbju.

L-Aġent Chairperson tal-Orkestra, Catherine Tabone, qalet li biex l-orkestra tkompli tikber għandha bżonn timla’ vojt li ilu jinħass.

“Għandna bżonn sala adekwata għal orkestra filarmonika li ddoqq repertorju simfoniku. Jekk mhux se jkollna din is-sala, sfortunatament l-orkestra ma tistax tkompli tavvanza.”

Ta’ l-istess fehma l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, Sigmund Mifsud, li stqarr li jekk l-orkestra jkollha l-post tagħha tikber il-fiduċja fiha u jkollha aktar opportunitajiet.

“Għandha bżonn tinvesti wkoll fil-post tagħha biex tkun tista’ tippjana l-istaġun tagħha sew, biex tkun tista’ tiżviluppaw xenarji differenti, bħalissa qed naraw kif nistgħu niżviluppaw il-possibiltajiet fl-industrija tal-films imma ma nistgħux inkunu kompetittivi biex nirrekordjaw il-mużika tal-films jekk m’għandnix il-post tagħna fejn irridu nirrekordjaw.”

Il-Ministru għall-Kultura, Josè Herrera, qal li l-Gvern diġà identifika binja għal dan il-għan u jistma li sala għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tiswa mat-€13-il miljun.

“Għandna binja li tmiss mat-teatru Manoel u se tinbena din il-hall, se tiġi attrezzata din il-hall. Għandna vot mill-budget biex nibdew nagħmlu l-arranġamenti u l-preparamenti u l-applikazzjonijiet u eventwalment iva l-orkestra nazzjonali se jkollha l-orchestra hall tagħha li se tkun viċin jew ħdejn it-Teatru Manoel.”

Mistoqsi dwar il-finanzjament ta’ dan il-proġett, il-Ministru Herrera wieġeb li l-ewwel pass hu mill-fondi tal-baġit għas-sena d-dieħla li ġew allokati għall-Ministeru għall-Kultura se jsir ix-xogħol kollu preparatorju għal din is-sala.