Lokali
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tirritorna b’kunċerti bl-udjenza fil-Belt

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se ddoqq live quddiem udjenza f’erba’ kunċerti li se tippreżenta dan ix-xahar.

Il-kunċerti jvarjaw minn mużika klassika kontemporanja u moderna għall-interpretazzjoni ta’ mużika minn films li nħadmu f’Malta. Il-kunċerti, MPOlive se jsiru fi Pjazza Teatru Rjal.

Fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt, se jsiru sensiela ta’ kunċerti mill-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li jinkludu mużika moderna u kontemporanja, mużika klassika u mużika minn reportorju ta’ films li nħadmu Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, Sigmund Mifsud, qal li #MPOlive twieġeb għad-domanda li hemm mill-poplu Malti u t-turisti għal attivitajiet kulturali li saħaq se jiġu organizzati skont kif rakkomandat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fis-17 ta’ Lulju hemm skedat kunċert b’repertorju ta’ xogħlijiet mużikali ta’ Mendelssohn, u tal-kompozitur Malti Alex Vella Gregory li jinkludu Invicta, xogħol mużikali ispirat mill-belt Sengleana, u interpretazzjoni tas-sinfonija numru tmienja ta’ Dvorak. Se jkun is-surmast Spanjol, Pablo González li jmexxi l-mużiċisti waqt dan il-kunċert, Side by Side with the MPO.

F’nofs it-tielet ġimgħa ta’ Lulju, is-surmast residenti tal-orkestra Michael Laus se jmexxi l-orkestra fil-kunċert Orchestra Classics bl-interpretazzjoni ta’ siltiet klassiċi ta’ kompożituri bħal Strauss, Liżst u Offenbach.

Is-sensiela ta’ kunċerti MPOlive jintemmu fit-23 u 24 ta’ Lulju, bl-interpretazzjoni ta’ mużika mill-films.

“Ħa ndoqqu bażikament il-films li nħadmu hawn Malta, il-kunċert tal-films huwa mod partikolari għax aħna nemmnu li fil-futur l-orkestra tagħna waħda mill-kontributuri tagħha hija kif aħna nirrekordjaw il-mużika tal-films.”

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-kollaborazzjoni bejn il-mużika u l-films minn dejjem kienet b’saħħitha. Qal li l-industrija tal-films qed tkompli tikber u hija mutur ekonomiku importanti li toħloq l-impjiegi.

“Ninsabu għaddejjin bħalissa bi produzzjonijiet minn diversi pajjiżi, inkluż il-Ġappun u l-Amerika fejn qed nipprepjaw films kbar li se jkunu qed jinħadmu f’Awwissu li ġej.”

Il-Ministru għall-Arti Jose Herrera u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo faħħru l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet li qalu ssaħħaħ l-apprezzament għall-mużika u l-arti ta’ kwalità minn Maltin u barranin li jżuruna.