Mużika
L-orkestra tal-BBC illum b’kunċert fuq il-Fosos – se ddoqq mużika tal-Queen

L-orkestra tal-BBC u bosta kantanti rinomati se jkunu qed ipaxxu lil dawk li llum se jattendu għall-kunċert ‘It’s a kind of Magic’ fuq il-Fosos tal-Floriana.

Fi żjara fuq il-Fosos lejliet il-kunċert, il-producer tal-kunċert Anthony Cherry qal lil Television Malta li min jattendi se jkollu spettaklu b’kanzunetti tal-Queen, li wasslithom għall-fama mondjali.

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li attivitajiet bħal dawn huma importanti mhux biss għax pajjiżna joqrob lejn in-normalità, imma wkoll għax jattira iktar turisti lejn Malta.

Serata spettakolari llum filgħaxija fuq il-Fosos tal-Floriana hekk kif l-Orkestra tal-BBC se tkun qed ittella l-kunċert ‘It’s a kind of magic’ – b’kanzunetti popolari tal-band Ingliża Queen.

Il-producer tal-kunċert, Anthony Cherry, qal ma’ Television Malta li l-kunċert se jkun qed iħalli lil kull min jattendi bla kliem. Qal li tul il-kunċert is-sorpriżi mhux se jonqsu.

“They should expect to be excited, wowed and moved, to hear all of their favourite Queen songs, but also to hear some of the music Queen were influenced by.. and it’s an interesting bunch of people, it goes from Led Zeppelin, Jimmy Hendrix, Lisa Minelli.. Killer Queen was actually written with Lisa Minelli in mind.”

Waqt li faħħar ix-xenarju li joffru l-fosos, il-producer tal-kunċert qal li din l-attività teħtieġ ħafna tħejjijiet, hekk kif l-orkestra se tkun qed iddoqq b’iktar minn 60 mużiċist u kantant.

Meta kien qed iżur it-tħejjijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li attivitajiet bħal dawn huma importanti ferm minħabba l-fatt li qed iressqu lil pajjiżna eqreb għan-normalità waqt li jattiraw iktar turisti lejn pajjiżna.

“Qegħdin naraw li nkomplu mexjin lejn in-normalità … hekk kif qed naraw li l-indikaturi kollha jindikaw li Settembru se jkun aqwa minn Awwissu bħala numru ta’ turisti, dan ikompli jimlina bil-kuraġġ sabiex inkomplu ninvestu fil-prodott tagħna, prodott uniku li kapaċi jgħin biex it-turiżmu verament ikun sostenibbli għaż-żmien li ġej, u l-irkupru tas-settur turistiku jkompli jmexxi ‘l quddiem dak ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.”

Il-Ministru Bartolo temm jgħid li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jittellgħu iktar attivitajiet mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, sabiex jagħmel tajjeb għall-vojt li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19 fix-xhur li għaddew.