Brexit
“L-UE evitat li tinqabad f’paniku u jkollha tiddeċiedi hi dwar it-triq ‘il quddiem għal Brexit” – PM

Ir-Renju Unit mhux se joħroġ mill-Unjoni Ewropea bħal-lum ġimgħa, imma possibilment bħal-lum tliet ġimgħat – fit-12 ta’ April – f’każ li l-ġimgħa d-dieħla l-House of Commons terġa’ tivvota kontra l-ftehim għal ħruġ. Jekk mill-banda l-oħra d-deputati jivvutaw favur, id-data ġdida għal Brexit tkun it-22 ta’ Mejju, lejlet l-elezzjonijiet Ewropej. Il-mexxejja tas-27 pajjiż membru qablu fuq din l-iskeda ġdida għal Brexit wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May kienet talbet għal estensjoni sat-30 ta’ Ġunju. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bil-qbil li ntlaħaq, l-Unjoni Ewropea evitat li tinqabad f’paniku u jkollha tiddeċiedi hi dwar it-triq ‘il quddiem għal Brexit.

L-Unjoni Ewropea tat l-aħħar ċans lil Theresa May biex fil-jiem li ġejjin tipprova tikseb kunsens fil-Parlament fuq il-ftehim għal Brexit li nnegozjat bit-tama li fit-22 ta’ Mejju li ġej ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea bi ftehim u b’mod ordnat, kif wara kollox tixtieq hi stess.

Theresa May qalet “I hope we can all agree we are now at the moment of decision and I will make every effort to ensure that we are able to leave with a deal and move our country forward”.

F’każ li l-Parlament jerġa’ jivvota kontra dan il-ftehim għat-tielet darba, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea taw lill-Gvern tar-Renju Unit sat-12 ta’ April ċans biex jindika x’se jagħmel fosthom hux se joħroġ mingħajr ftehim, iwaqqafx il-proċess ta’ ħruġ jew hux se jitlob estensjoni itwal li minnufih twassal biex ir-Renju Unit ikollu jorganizza l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi żmien xahrejn oħra.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk qal “if it it has not decided to do so by then, the option of a long extension will automatically become impossible”.

Fi kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat l-iskeda ġdida maqbula bejn il-mexxejja tal-UE tindirizza t-tħassib ta’ wħud minnhom fosthom tiegħu stess li possibilment l-Unjoni Ewropea setgħet tinqabad fuq sieq waħda f’każ li l-ġimgħa d-dieħla jerġa’ jkun hemm vot kontra fil-House of Commons, madankollu issa qed jagħtu l-aħħar ċans lir-Renju Unit biex jiddeċiedi t-triq ‘il quddiem għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

Joseph Muscat qal “jiġifieri li niġu f’sitwazzjoni li l-Unjoni Ewropea tkun hi daharha mal-ħajt li trid tkun hi li tieħu deċiżjoni f’24 siegħa u prattikament hi tiddeċiedi għar-Renju Unit. Din issa ġiet reversed għax issa permezz tad-deadline doppju li ngħata hemmhekk ir-Renju Unit qed tingħata l-messaġġ li tridu tieħdu intom id-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħkom”.

U wara d-drama tal-Ħamis filgħaxija, kmieni l-Ġimgħa filgħodu l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif taż-żona ekonomika Ewropea, l-arranġament li n-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein għamlu bħala pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea imma li għandhom arranġamenti mal-istess Unjoni, żona li qed ikun rappurtat li r-Renju Unit – wara Brexit – jista’ jissieħeb fiha.

Il-Prim Ministru qal “jekk ir-Renju Unit tmur fl-EEA tkun qed tinkiser waħda mil-linji ħomor li għamlu huma stess jiġifieri fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni”

B’hekk ġie fi tmiemu summit importanti fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, x’aktarx l-aħħar wieħed tar-Renju Unit membru tal-UE, summit li qed jagħti linja ċara lir-Renju Unit ta’ xi jrid jagħmel fil-ġejjieni għal Brexit, deċiżjoni li żgur se jkollha impatt enormi fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,247 swab tests li minnhom ħareġ każ wieħed pożittiv. Hija qalet li fiequ 6 persuni mill-virus. Biex b’hekk issa hemm…

Kronaka

Il-Pulizija ġabret u qed tanalizza r-ritratti u filmati li xxandru fuq il-midja nkluż fuq Facebook, biex toħroġ it-taħrikiet relatati maċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji Furjaniżi fuq il-Fosos. Kelliem għall-Ministeru tal-Intern ikkonferma li l-multi…

Avjazzjoni

Il-kumpanija tal-ajru Emirates qed tieħu l-miżuri kollha neċessarji f’dak li għandu x’jaqsam mal-iġenje, is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri kif ukoll tal-ħaddiema tagħha. L-uniformi l-ġdida tal-membri tal-ekwipaġġ se tinkludi mil-lum ‘il quddiem…

Press Briefings

Fin-12:30 is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, se tkun qed tagħti l-aħħar aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19. Il-konferenza tal-lum se tixxandar dirett fuq TVM, Radju Malta, tvm.com.mt u fuq il-paġna ta’ Facebook Television…

Aktar