Politika
“L-UE ma tistax tibqa’ tħalli lil Malta u l-Italja waħedhom” – Il-PM fis-Summit Med 7

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pajjiżi Ewropej ma jistgħux jibqgħu jaffaċċjaw il-kriżi tal-immigrazzjoni dgħajsa, dgħajsa. Żied li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħalli pajjiżi bħal Malta u l-Italja waħidhom.

Dr Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-mexxejja tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea waqt is-Summit Med 7 organizzat mill-Presidenza Franċiża fuq il-gżira ta’ Korsika.

Il-Prim Ministru Malti tenna li din il-kwistjoni hija nieqsa mill-importanza li jixraqilha fuq l-aġenda Ewropea u għalkemm irikonoxxa l-għajnuna li xi pajjiżi qegħdin jagħtu, ma jistax ikun li jibqa’ jkun hemm każijiet spissi ta’ immigranti li jibqgħu jitħallew fuq dgħajjes f’nofs il-Mediterran, ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ qbil.

“Il-pressjonijiet li hemm bir-rotta migratorja fiċ-ċentru tal-Mediterran ilhom jiżdiedu għal numru ta’ snin iżda aħna ma nistgħux nibqgħu naffaċċjaw din il-kriżi dgħajsa, dgħajsa, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tħalli pajjiżi frontliners bħal Malta u l-Italja waħidhom”.

Dr Abela fakkar li l-Unjoni Ewropea kemm-il darba għamlet impenji fir-rigward tal-immigrazzjoni, iżda meta dawn l-impenji jaslu fil-fażi ta’ implimentazzjoni, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra ċ-ċrieki kriminali li jmexxu l-immigrazzjoni illegali ta’ diversi persuni, isir ftit li xejn.

Il-Prim Ministru semma l-importanza tal-Libja u l-kontinent Afrikan fil-kuntest tal-immigrazzjoni bħala pajjiż li ħafna immigranti jitilqu minnu.

“Il-baħar Mediterran huwa l-unika ħaġa li taqsam l-Unjoni Ewropea minn kontinent ieħor u għaldaqstant il-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni u ħidma viċin hija importanti mhux biss għas-sigurtà tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda għall-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità fir-reġjun.”

Dr Abela kompla li s-sitwazzjoni fil-Libja hija ta’ importanza kbira u semma kif Malta qed isservi ta’ pont biex ikun hemm djalogu bejn il-Libjani.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal dak li għaddej fil-Lvant tal-Mediterran u wera solidarjetà mal-awtoritajiet Griegi u Ċiprijotti. Qal li Malta qed tħares lejn is-sitwazzjoni f’din l-parti tal-Mediterran iżda Malta hija pajjiż newtrali, u s-sovranità tal-pajjiżi għandha tkun rispettata abbażi tal-liġijiet.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet għamlu wkoll l-interventi tagħhom il-Mexxeja ta’ Franza, l-Italja, il-Greċja, Ċipru, Spanja u l-Portugall.

Iktar kmieni:

Il-Prim Ministru f’laqgħa mal-mexxejja tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-UE