Unjoni Ewropea
L-UE se tipprojbixxi linji nazzjonali tal-Belarus milli jtiru fi spazju tal-ajru Ewropej

L-Unjoni Ewropea ddikjarat li se tipprojbixxi linji nazzjonali tal-Belarus milli jtiru fi spazju tal-ajru Ewropej.

Waqt lejl ta’ taħditiet f’laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Minsitru Robert Abela, l-istati membri kollha qablu li linji tal-ajru Ewropej m’għandhomx joperaw lejn il-Belarus waqt li wiegħdu iktar sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-pajjiż.

Il-mexxejja Ewropej talbu għal ħelsien immedjat tal-ġurnalist Roman Protasevich u s-sieħba tiegħu filwaqt li sejħu għal investigazzjoni “urġenti” mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili. L-attivist hu magħruf għall-oppożizzjoni għar-reġim tal-President Alexander Lukashenko.

Waqt li bdiet għaddejja l-istess laqgħa tal-mexxejja Ewropej, il-Belarus ippubblika filmat ta’ Protasevich li fih qal li jinsab f’qagħda tajba. Fil-filmat, il-ġurnalist jammetti għar-reati li qed jiġi akkużat bihom minn pajjiżu. L-attivisti f’Belarus iżda jikkritikaw il-filmat u qalu li l-ġurnalist kien imġiegħel jammetti li wettaq ir-reat.

Intant, il-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej mistenni tissokta iktar tard dalgħodu, bit-taħditiet hu ppjanat li jiffukaw fuq il-pandemija u t-tibdil fil-klima.